“Is-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali li tat żewġ siġġijiet lill-Partit Nazzjonalista li kien imċaħħad minnhom għal tliet snin u nofs, hija rebħa tal-poplu fuq Joseph Muscat, li għamel minn kollox biex iċaħħad il-poplu mir-rappreżentanza li xtaq.” “Minkejja t-tfixkil kollu possibbli, is-sewwa reġa’ rebaħ.”
Hu qal li minkejja li kien hemm żball, li kien rikonoxxut minn kulħadd, il-Partit Laburista baqa’ jippersisti li l-PN m’għandux jingħata rimedju.
Din kienet l-ewwel reazzjoni tal-Viċi Kap tal-PN Beppe Fenech Adami quddiem il-Qorti, ftit mumenti wara li l-Qorti Kostituzzjonali ikkonfermat is-sentenza oriġinali tal-Ewwel Qorti fil-parti li fiha iridu jiżdiedu żewġ Deputati f’isem il-PN fil-Parlament.
Il-proċedura ta’ kif se jiżdiedu dawn iż-żewġ Deputati, għad trid tiġi analizzata iżda li hu żgur hu li dawn iż-żewġ Deputati għandhom jingħataw il-ġurament u jieħdu posthom fil-Parlament fi żmien xahar mill-lum. B’hekk il-Parlament se jkun magħmul minn 38 Membru tal-Partit Laburista, 31 Membru tal-Partit Nazzjonalista u 2 Deputati Indipendenti.
Is-sentenza ingħatat mill-Prim Imħallef Silvio Camilleri f’Awla ppakkjata li varjat uħud mid-disposizzjonijiet fis-sentenza tal-Ewwel Qorti.
Il-Qorti Kostituzzjonali ħassret parti mis-sentenza tal-Ewwel Qorti fejn sabet ksur tad-Drittijiet Fondamentali fil-proċess elettorali fit-13-il Distrett u ħassret ukoll il-parti tas-sentenza tal-Ewwel Qorti li ddikjarat li d-Deputat Claudette Buttigieg kienet “imċaħħda mid-dritt tagħha li tiġi eletta bil-kwota skont ir-rieda tal-votanti” u li ordnat il-Kummissjoni Elettorali sabiex tagħmel dawk ir-regolamenti meħtieġa “li eċċezzjonalment jipprevedu li jerġgħu jinfetħu l-għadd tal-voti li ġa’ ingħalqu.”
//= $special ?>