Lokali Parlament

“Taqtgħu qalbkom qatt…Is-sewwa jirbaħ żgur” – Dr. Simon Busuttil

“Taqtgħu qalbkom qatt. Għad baqa’ xi jsir iżda naslu żgur. Is-sentenza tal-lum timlina bil-kuraġġ biex nirnexxu lkoll flimkien.”

Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista waqt ir-rally organizzat fid-Dar Ċentrali wara li l-Ġimgħa filgħodu l-Qorti Kostituzzjonali tgħat raġun lill-Partit Nazzjonalista ta’ żewġ siġġijiet oħra parlamentari.

Simon Busuttil tkellem dwar x’qalet il-Qorti – li l-elezzjoni jiddeċidiha minn jivvota u mhux min jgħodd il-voti.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li ż-żewġ siġġijiet tal-PL li mhux suppost qegħdin hemm humaJoe Debono Grech u Justyne Caruana. Żewġ siġġijiet għall-PL u allura żewġ deputati li qatt ma kellhom ikunu hemm. Dan ifisser li l-maġġoranza li beda biha Joseph Muscat naqsitlu. Jiġifieri fi kważi 4 snin Joseph Muscat naqqas il-maġġornaza tiegħu b’4 siġġijiet, siġġu kull sena.

Issa l-Partit Nazzjonalista qed jistenna li l-Kummissjoni Elettorali tiltaqa’ b’urġenza biex talloka ż-żewġ siġġijiet għall-Partit Nazzjonalista.

Simon Busuttil saħaq kif f’dawn it-tlett snin u nofs kellna Prim Ministru li għamel minn kollox biex itawwal il-kawża.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sellem lil Edwin Vassallo li issa bis-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali saret ġustizzja miegħu f’isem il-Partit Nazzjonalista biex issa se jkun qed jieħu postu fil-Parlament.

Simon Busuttil qal li l-akbar rebħa għall-Partit Nazzjonalista hi dik morali.

“Baqa’ ftit għall-elezzjoni ġenerali imma nwiegħed li dawn iż-żewġ siġġijiet se nużawhom biex inkomplu nagħtu vuċi lil min m’għandux u dan filwaqt li l-Oppożizzjoni tkompli tissaħħaħ ħalli tkun gvern alternattiv”,  temm jgħid il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil.