Lokali

“Il-Partit Nazzjonalista hu l-partit ta’ kull min hu żgħir” – Il-Kap tal-PN Simon Busuttil

Il-Partit Nazzjonalista hu l-partit ta’ kull min hu żgħir: tal-ħaddiem iż-żgħir, tan-negozjant iż-żgħir, għal dawk li m’għandhomx vuċi. Il-Partit Nazzjonalista qiegħed hemm għaż-żgħir għaliex għandna Gvern li qiegħed biss hemm għall-miljunarji tal-klikka. Jekk hemm nies li m’għandhomx vuċi, se jsibu lill-Partit Nazzjonalista jiġġieled għalihom. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt li kien qed jindirizza attività politika fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista f’Ħal Lija.

Il-Partit Nazzjonalista ġġieled għaż-żgħir li l-vot tiegħu ma ġiex ikkalkulat

“Min ivvota u bi żball l-vot tiegħu ma ġiex ikkalkulat, kellu bżonn lil xi ħadd li jaqbeż għalih u jagħtih vuċi, u sab lill-Partit Nazzjonalista jiġġieled għalih,” qal Simon Busuttil. Ir-riżultat issa hu li l-Partit Nazzjonalista kiseb żewġ siġġijiet oħra fil-Parlament. Hu sellem liż-żewġ Deputati l-ġodda fil-Parlament – Edwin Vassallo u Peter Micallef. “Din hi rebħa morali għall-Partit Nazzjonalista u għal dawk il-votanti li sal-ġurnata tal-lum kienu baqgħu bla vuċi,” qal Simon Busuttil, filwaqt li fakkar li l-Qorti Kostituzzjonali hi l-aktar Qorti għolja u importanti f’pajjiżna.

“Joseph Muscat jirrapreżenta biss lill-miljunarji” – Il-Kap tal-PN Simon Busuttil

“Din kienet rebħa – minkejja l-ostakli kbar li għamel Joseph Muscat li ta direzzjoni ċara lill-Partit tiegħu, lill-avukati tal-Partit tiegħu, lill-Gvern, lill-Avukat Ġenerali u anke lill-Kummissjoni Elettorali biex jiġġieldu kemm jifilħu biex aħna ma nieħdux dak li hu tagħna,” sostna Simon Busuttil. Hu qal ukoll li Muscat, għal kważi erba’ snin sħaħ – minkejja li kien rebaħ fil-wisa’ l-elezzjoni ġenerali – xorta ġġieled biex iċaħħad lil ftit nies mill-vot tagħhom. “Xorta waqgħet il-maskra ta’ Joseph Muscat li nkixef li għal erba’ snin sħaħ iġġieled kontra d-demokrazija. Trid tkun kontra d-demokrazija biex iċċaħħad lin-nies minn dak li hu l-aktar ħaġa bażika,” sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Hu qal ukoll li dan ma jfissirx li wasalna, iżda huwa messaġġ li m’għandna naqtgħu qalbna qatt. “Min ma jaqtax qalbu jasal, u għalhekk il-Partit Nazzjonalista se jasal għax qatt ma jaqta’ qalbu. Se jibqa’ jaħdem b’determinazzjoni kbira u għalhekk nemmnu li se naslu, għax qegħdin hemm biex niġġieldu għal dak li hu sewwa,” qal Simon Busuttil.

L-ewwel darba li partit politiku ħareġ bi proposti għal tal-ħwienet iż-żgħar

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rrefera wkoll għad-dokument għan-negozji ż-żgħar u s-self-employed mniedi l-ġimgħa li għaddiet waqt il-Kunsill Ġenerali. “F’dan id-dokument, ħriġna b’aktar minn 50 proposta intenzjonati għal min hu fis-settur tal-ħwienet – jiġifieri kważi 7,000 ħanut f’Malta u Għawdex, u man-nies kollha li jaħdmu magħhom. Se jgawdu 18,000 ħaddiem li jaħdmu magħhom. Aħna tajnihom vuċi għax dawn huma żgħar, in-negozjanti ż-żgħar. Dawn huma nies li kienu minsija minn dan il-Gvern,” qal Simon Busuttil.

Fost il-51 proposta hemm proposta minnhom mhux biss għal tal-ħwienet imma għal kull min qiegħed fin-negozju u f’attività kummerċjali. Din il-proposta laqtet l-attenzjoni tan-nies għax hija proposta tajba, qawwija u innovattiva. Simon Busuttil qal li “għal kull min qiegħed fil-kummerċ imma hu żgħir, aħna lesti li nnaqqsulu l-income tax għal 10% biss. Dawn mhux biss tal-ħwienet, imma kull min qed jagħmel attività ekonomika.” Hu sostna li din il-proposti tapplika wkoll għal tal-monti.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li “se mmorru f’kull belt u raħal biex lil kulħadd ngħidulu li din hi l-politika tal-Partit Nazzjonalista għalikom għax aħna qegħdin hemmhekk magħkom.”

L-iskema tal-GWU hi skema ta’ prekarjat bil-barka ta’ Muscat

Simon Busuttil fakkar li kien l-ewwel Kap ta’ Partit li qal li qabel mal-proposta tal-Anti-Poverty Campaign li wasal iż-żmien li tiżdied il-paga minima nazzjonali f’pajjiżna. “Il-proposta kienet raġjonevoli li din tiżdied b’10% fuq medda ta’ tliet snin. Għaliex il-ħaddiem bil-minimum wage hu l-ħaddiem iż-żgħir, jien appoġġjajt din il-proposta,” qal Simon Busuttil.

Hu sellem u esprima s-solidarjetà mal-ħaddiema tal-Actavis li rċevew l-aħbar li aktar minn 200 minnhom se jitilfu l-post tax-xogħol, u sostna li l-Partit Nazzjonalista qiegħed hemm biex jgħinhom isibu postijiet tax-xogħol alternattivi.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rrefera wkoll għal dak żvelat minn The Sunday Times of Malta, jiġifieri li l-General Workers’ Union qed tagħmel profitt ta’ €300 fix-xahar minn fuq is-600 ħaddiem li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol u li tefawhom fi skema mħaddma mill-istess Union. “Il-ħaddiema qed jagħmlu l-istess xogħol bħal ta’ maġenbhom, u qed jaqilgħu anqas – jaqilgħu biss il-paga minima. Dan hu prekarjat bil-barka ta’ Joseph Muscat,” qal Simon Busuttil.

Hu qal ukoll li l-partit li suppost hu tal-ħaddiema daħal fi ftehim oxxenn mal-GWU li suppost qegħda hemm biex tiddefendi lill-ħaddiema. “Jekk hemm partit li hu partit tassew għall-ħaddiema hu l-Partit Nazzjonalista. Li qiegħed hemm għaż-żgħir, għall-ħaddiem għaż-żgħir, għan-negozjant iż-żgħir,” qal Simon Busuttil, filwaqt li sostna li minkejja li din kienet ġimgħa tajba għall-Partit Nazzjonalista għax wassalna l-messaġġ għal min hu sewwa, ma jfissirx li wasalna.

Il-Partit Nazzjonalista se jappoġġja t-talba għall-investigazzjoni mill-UHM u l-MAM

Simon Busuttil ħabbar ukoll li l-Partit Nazzjonalista, waqt il-laqgħa tal-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi għada, se jkun qed jappoġġja t-talba tal-UĦM Voice of the Workers u l-Assoċjazzjoni Medika Maltija biex issir investigazzjoni dwar il-kuntratti tal-privatizzazzjoni tat-tliet sptarijiet f’pajjiżna, u li tagħhom, Vitals qed titħallas is-somma ta’ €55 miljun mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi.

Hu sostna wkoll li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jirrapreżenta liż-żgħir ukoll meta għada wkoll tibda l-investigazzjoni dwar l-iskandlu tal-Cafe’ Premier meta Muscat qabad u ta’ €4.2 miljun b’daqqa ta’ pinna.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rrefera għas-sit li tnieda bid-diskorsi tal-eks Prim Ministru u eks Mexxej Nazzjonalista Eddie Fenech Adami u r-rabta tiegħu mal-frażi ’s-sewwa jirbaħ żgur’. Hu qal li din il-frażi turi r-rabta li għandu l-Partit Nazzjonalista favur is-sewwa u favur dawk li m’għandhomx vuċi. Hu sellem ukoll lill-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Sir Ugo Mifsud, tant li qabel bdiet l-attività, mar ipoġġi l-fjuri fuq il-qabar tiegħu fiċ-Ċimiterju ta’ Ħal Luqa.