Formula 1 Sport

Rosberg isir iċ-champion tad-dinja tal-Formula 1

Is-sewwieq tal-Mercedes Nico Rosberg ġie inkurunat champion mondjali tal-Formula 1 għall-ewwel darba fil-karriera tiegħu hekk kif spiċċa fit-tieni post fl-aħħar Grand Prix tal-istaġun li sar f’Abu Dhabi. Minkejja li kien ir-rivali tiegħu Lewis Hamilton, li beda mill-ewwel pożizzjoni, li rebaħ it-tellieqa, dan ma kienx biżżejjed biex iċaħħad lis-sewwieq Ġermaniż milli jkun champion li temm b’ħames punti vantaġġ fuq Hamilton.

Fit-tielet post f’Abu Dhabi temm Sebastian Vettel tal-Ferrari li lejn l-aħħar tat-tellieqa għamel minn kollox biex jaqbeż lil Rosberg li kien fit-tieni post imma ċ-champion il-ġdid iddefenda l-pożizzjoni tiegħu biex aċċerta mir-rebħ tat-titlu. Fl-aħħar ħames dawriet Hamilton, li kien fl-ewwel post naqqas mir-ritmu bit-tama li Vettel jaqbeż kemm lil Rosberg u lilu nnifsu u kien ikun f’dak il-mument li Hamilton jirbaħ it-titlu.

Rosberg kien il-favorit li jirbaħ it-titlu minħabba li qabel it-tellieqa kellu vantaġġ ta’ 12-il punt imma ried ikun ferm attent li ma jieħu l-ebda riskji u tal-anqas itemm mal-ewwel tlieta biex ikun ċert mir-rebħ tat-titlu. Hamilton kien ġej minn tliet rebħiet konsekuttivi imma minkejja li lejn tmiem il-kampjonat irkupra ħafna punti fuq Rosberg wieħed jista’ jgħid li r-raġuni għaliex dan kellu jċedi x-xettru kien li fil-bidu tal-istaġun waqqa’ diversi punti filwaqt li Rosberg kellu bidu mill-aqwa u rebaħ erba’ Grand Prix konsekuttivi.

Hamilton kellu jistenna sa Mejju biex jirbaħ l-ewwel tellieqa tiegħu dan l-istaġun meta dakinhar rebaħ f’Monaco.

Ta’ min jinnota li din kienet l-aħħar tellieqa fil-karriera għal Felipe Massa (li temm it-tellieqa fid-disa’ post) u anke ta’ Jenson Button. Dan tal-aħħar ma tantx kellu tmiem mill-aqwa hekk kif kellu jirtira.

Il-Mercedes kienu diġà aċċertaw mir-rebħ tat-titlu tal-kostrutturi f’Ottubru li għadda meta dakinhar Rosberg kien rebaħ il-Grand Prix tal-Ġappun.