Lokali

“L-Emendi tal-Gvern se jdgħajfu l-Kunsill tal-Ilsien Malti” – L-Għaqdiet tal-Malti

L-għaqdiet tal-Malti jappellaw lill-Gvern u lill-Oppożizzjoni biex jibżgħu għall-kunsens li kkaratterizza l-aħħar 10 snin fid-deċiżjonijiet dwar il-Malti

“Aħna qegħdin nipprotestaw kontra emendi tal-Gvern fil-binja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti. Dawn l-emendi se jdgħajfu l-Kunsill. Qed insejħu lill-Gvern u lill-Oppożizzjoni biex jibżgħu għall-kunsens li l-Kunsill gawda fl-aħħar 10 snin b’risq il-Malti.”

Din is-sejħa għamluha għadd ta’ għaqdiet tal-Malti f’konferenza stampa li sejħu fil-Kwartier tal-Akkademja tal-Malti, il-Belt, hekk kif għada l-Erbgħa l-Parlament se jkompli jiddiskuti emendi li jrid jgħaddi l-Gvern għal-Liġi dwar l-Ilsien Malti li kienet waqqfet il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti.

Il-Kap tad-Dipartiment tal-Malti fl-Università, Dr Bernard Micallef, u l-President tal-Akkademja tal-Malti, Dr Olvin Vella, qalu li l-għaqdiet tal-Malti jridu Kunsill tal-Malti li, filwaqt li jibqa’ rappreżentattiv, ħaġa li dejjem qablu magħha, il-maġġoranza tiegħu tkun magħmula minn membri kkwalifikati.

“Din hija biss kwistjoni ta’ serjetà u akkontabilità. Hekk biss isserrħulna rasna li d-deċiżjonijiet li jieħu l-Kunsill ikunu sodi,” qalu Dr Micallef u Dr Vella li fil-konferenza stampa tkellmu għad-Dipartiment tal-Malti fl-Università, l-Akkademja tal-Malti, id-Dipartiment tal-Malti fil-Junior College, l-Għaqda tal-Malti – Università, u l-Għaqda tal-Qarrejja tal-Provi bil-Malti.

Huma qalu li l-Kunsill irnexxielu jġib kunsens u ħidma flimkien fost il-ħaddiema tal-Malti, kif jixhdu l-aħħar 10 snin ta’ ħidma. Tant proġetti nħadmu bi sħab bejn id-Dipartiment tal-Malti, l-Akkademja tal-Malti u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, u dan seta’ jsir biss għax ilkoll kienu konvinti mill-kwalità għolja tax-xogħol li jagħmlu flimkien.

Huma semmew il-ktieb li fih ġabra ta’ 900 kelma tal-futbol, ‘Ballun Pinġut’, maħdum bejn id-Dip. tal-Malti, il-Kunsill u l-Għaqda tal-Ġurnalisti tal-Isports; is-sensiela ta’ tliet kotba tal-ġeografija ‘Id-Dinja Darna’ għat-3, ir-4 u l-5 klassi tal-iskejjl; is-senjaletika bilingwi fl-isptar biex issa bdew jitwaħħlu t-tabelli bilingwi; u d-dizzjunarju ta’ Agius de Soldanis.

Dan kollu hu riżultat tal-kollaborazzjoni, u l-laqgħa li sejħu hi xhieda oħra f’waqtha, qalu r-rappreżentanti tal-għaqdiet tal-Malti.

Mal-Kunsill, il-bieb infetaħ għal kulħadd, u fejn qabel id-diskussjoni u d-deċiżjoni kienu jsiru bejn dawk tal-Malti biss u bil-bibien magħluqa, issa qed issir konsultazzjoni ma’ kulħadd u kulħadd jista’ u għandu jipparteċipa. Madwar 80 ruħ kellhom sehem attiv fil-Kunsill. Fid-diskussjonijiet ipparteċipaw ġurnalisti, pubblikaturi, tradutturi, għalliema u uffiċjali tal-edukazzjoni.

Il-laqgħat fil-Kunsill dejjem saru bi spirtu kollaborattiv u l-għaqdiet tal-Malti qed jinsistu li l-proċedura adottata mill-Kunsill Nazzjonali tinżamm għax, barra li mexxa b’serjetà, mexxa bla sens ta’ protagoniżmu. Hawnhekk huma rringrazzjaw liż-żewġ persuni li ddedikaw il-ħin prezzjuż tagħhom biex, bla ħlas, servew ta’ presidenti tal-Kunsill tal-Malti, jiġifieri lill-Prof. Manwel Mifsud (speċjalista tal-morfoloġija) u lill-Prof. Ray Fabri (speċjalista tas-sintassi), kif ukoll lil ħafna nies ikkwalifikati li ddedikaw ħafna minn ħinhom b’xejn biex jaħdmu fil-Kunsill.

L-għaqdiet tal-Malti saħqu li qed jipprotestaw kontra l-emendi fil-binja tal-Kunsill tal-Malti għax dawn l-emendi se jdgħajfuh. Qed jipprotestaw għax iridu Kunsill li, filwaqt li jkollu rappreżentanza wiesgħa, ikollu maġġoranza ta’ membri kkwalifikati. Qed jipprotestaw għax iridu Kunsill serju u responsabbli. Hekk biss id-deċiżjonijiet li jieħu l-Kunsill ikunu sodi.

Huma qalu li, jekk jgħaddu l-emendi kif inhuma, ma hemm l-ebda garanzija li l-kapijiet ‘tekniċi’ se jkunu nies ikkwalifikati fil-Malti. Huma wrew it-tħassib tagħhom li, fi żmien mhux ’il bogħod, isseħħ il-ħolma ta’ ftit persuni ambizzjużi li ilhom jippruvaw jegħlbu r-raġuni u jxandru b’awtorità l-fantasiji tagħhom, persuni li b’xorti ħażina ngħataw mill-Ministeru mhux biss il-wiċċ imma anke preferenza fuq il-Kunsill Nazzjonali mwaqqaf b’vot unanimu fil-Parlament.

“Irridu s-serjetà,” qalu Dr Micallef u Dr Vella. “Ma nkomplux naħlu tant enerġija f’kontroversji li jaħlu l-ħin u f’emendi għal Kunsill li qed jaħdem u jagħti l-frott; emendi li mhumiex meħtieġa u li ma ntalbu minn ħadd, għall-inqas fil-miftuħ.”

Huma appellaw lill-Ministru biex ma jagħmilx dawn l-emendi li jiżnaturaw il-Kunsill tal-Ilsien Malti, li jiftħuh għal kontroversji bla bżonn u li jheddu li jispiċċa l-kunsens, u li jibdew ireġġgħu lura dak li ilu deċiż. Dan qed ibeżża’ lil mijiet ta’ għalliema (mhux tal-Malti biss), it-tradutturi, il-kittieba, il-ġurnalisti, il-pubblikaturi, u l-qarrejja tal-provi li kienu ilhom jitolbu ċ-ċertezza u d-deċiżjonijiet fil-Malti u li issa kienu bdew isibuha fil-professjonalità tal-Kunsill. Mhuma fl-interess ta’ ħadd l-inċertezzi u l-irwiefen tal-kontroversja, qalu l-għaqdiet tal-Malti.

“Onorevoli Bartolo, l-għaqdiet kollha li jaħdmu favur l-ilsien Malti u li huma rappreżentati hawnhekk illum qed jappellawlek bil-qawwa kollha biex tibża’ għall-ilsien nazzjonali u ma tħottx dak li l-għaqal u s-serjetà bnew fis-snin li għaddew. Jekk isir dan, aħna mbagħad ma nistgħux nissejħu biex inkunu kompliċi tal-ħsara li tkun saret,” temmew l-appell tagħhom l-għaqdiet tal-Malti.