Il-membri tal-Gvern fil-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi tal-Parlament irrifjutaw li l-Kumitat jinvestiga l-kuntratti tal-bejgħ tal-isptarijiet, wara talba minn żewġ unions biex issir din l-investigazzjoni.
Waqt il-laqgħa, il-Ministru Owen Bonnici insista bil-qawwa li l-Public Accounts Committee ma jinvestigax il-kuntratti, u minflok, il-kwistjoni tiġi trattata mill-Kumitat Parlamentari tas-Saħħa.
Imma l-membri tal-Oppożizzjoni fuq il-Kumitat saħqu li l-UĦM Voice of the Workers u l-Assoċjazzjoni Medika Maltija għamlet it-talba lill-Public Accounts Committee, u għaldaqstant, huwa dan il-kumitat li għandu jinvestiga l-kuntratti.
Dan il-punt twassal ukoll mis-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija, Martin Balzan, li kien preżenti għal-laqgħa tal-Kumitat, u li għamel diversi interventi.
Fl-intervent tiegħu, Martin Balzan insista li t-talba tal-Unions hi marbuta ma’ kwistjonijiet finanzjarji – partikolarment jekk il-kuntratt ingħatax lil kumpanija li tiflaħ twettaq l-investiment imwiegħed.
Iżda l-membri tal-Gvern baqgħu jirrifjutaw li ssir investigazzjoni mill-Public Acconts Committee, u qalu li minflok, il-kwistjoni għandha tmur quddiem il-Kumitat Parlamentari tas-Saħħa.
In-nuqqas ta’ qbil wassal biex issa se jintalab ruling mill-ispeaker dwar jekk kwistjoni referuta lill-Public Accounts Committee tistax tiġi ddelegata lil kumitat ieħor.
//= $special ?>