Illum 30 sena mill-vjolenza politika waqt il-meeting tal-Partit Nazzjonalista fiż-Żejtun; vjolenza politika organizzata minn grupp ta’ partitarji Laburisti u Pulizija tal-ispecial mobile unit.
It-30 ta’ Novembru 1986, jibqa’ mniżżel fl-istorja politika tal-pajjiż b’marka sewda. Dakinhar seħħet fost l-agħar vjolenza politika fil-pajjiż qabel l-elezzjoni ġenerali ta’ Mejju 1987.
F’Novembru 1986 il-Partit Nazzjonalista kien applika għal permess biex jorganizza mass meeting fiż-Żejtun, din l-applikazzjoni għall-mass meeting kienet milqugħa, iżda aktar tard kienet irtirata mill-Pulzija, dan wara li grupp ta’ partitarji Laburisti kienu qed jorganizzaw vjolenza politika.
Quddiem din is-sitwazzjoni l-Gvern Laburista u l-pulizija, mhux biss ma ħadu l-ebda passi, iżda kienu kompliċi f’atti ta’ kriminalita’ politika. Quddiem din is-sitwazzjoni gravi l-Partit Nazzjonalista fetaħ kawża kostituzzjonali; kawża li rebaħ il-Partit Nazzjonalista, biex b’hekk, il-qorti kkonfermatlu d-dritt li jorganizza l-mass meeting. Minkejja dan, il-pulizija xorta baqgħet topponi din id-deċiżjoni.
Fit-30 ta’ Novembru l-partitiarji Nazzjonalisti mxew lejn Triq tal-Barrani fejn bdew ikunu ndirizzati mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Eddie Fenech Adami u l-Viċi Kap Guido de Marco.
Quddiema, l-folla Nazzjonalista sabet grupp ta’ partitarji vjolenti Laburisti u l-Pulizija tal-SMU li bdew jisparaw il-gass tad-dmugħ.
Dan wassal biex il-partitarji Nazzjonalisti bdew jersqu lura, waqt li l-Pulizja tal-SMU u l-partitarji Laburisti komplew jattakkaw lin-nies u jisparaw fuqhom.
Numru ta’ partitarji Nazzjonalisti, kif juru dawn ir-ritratti, kienu feruti b’mod gravi u ttiehdu l-isptar San Luqa għall-kura.
Fid-diskorsi tiegħu lill-folla fit-Triq tal-Barrani, Eddie Fenech Adami saħaq fuq il-gravità tas-sitwazzjoni politika fil-pajjiż u l-importanza tal-impenn u d-determinazzjoni favur il-liberta’ u d-demokrazija.
L-inċidenti taż-Żejtun kienu l-bidu ta’ katina ta’ inċidenti vjolenti ohra, inċidenti li wasslu għall-qtil politiku ta’ Raymond Caruana fil-Gudja u għall-frame-up fuq Pietru Pawl Busuttil.
L-għada tal-vjolenza politika fiż-Żejtun, partitarji Laburisti sparaw fuq il-każin Nazzjonalista ta’ Ħal- Tarxien, bl-istess arma li ntużat fiż-Żejtun u li ftit ġranet wara intużat biex biha inqatel Raymond Caruana fil-Gudja.
//= $special ?>