L-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia ippropona li l-kuntratti dwar il-privatizzazzjoni tal-isptarijiet ikunu diskussi f’kumittt konġunt bejn il-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) u l-Kumitat Parlamentari għas-Saħħa.
Fir-ruling tiegħu l-Isepaker tal-Parlament irrifera għal-laqgħa tal-PAC tat-28 ta’ Novembru 2016 fejn il-UĦM u l-MAM talbu li jsir eżami tal-kuntratti tal-Vitals dwar il-privatizzazzjoni tal-isptarijiet mill-PAC.
L-Ispeaker għamel riferenza għal dak li ntqal fil-laqgħa tal-PAC li fiha kien tkellem il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici u għall-argumentazzjoni tal-unions dwar it-talba tagħhom.
Anġlu Farrugia għamel riferenza għall-fatt li l-kuntratti tal-isptarijiet se jkunu diskussi fil-Kumitat Parlamentari għas-Saħħa wara talba mix-Shadow Minister għas-Saħħa Claudette Buttigieg. Jirriżulta li Claudette Buttigieg kienet irtirat it-talba tal-Oppożizzjoni biex il-kuntratti jkunu diskussi fil-Kumitat għas-Saħħa minħabba t-talba tal-UĦM u l-MAM.
L-Ispeaker kompla li s-Sedja trid tiddeċiedi jekk taċċettax li l-kuntratti jkunu diskussi fil-Kumitat Parlamentari għas-Saħħa. Hu ddeċieda li huma l-membri tal-PAC li jiddeċiedu jekk l-ittra tal-UĦM u l-MAM għandhiex tkun inkluża fl-aġenda u din ma tistax tkun deċiżjoni tas-Sedja.
Il-membri ma jistgħux iżda jiddeċiedu li xi suġġett ikun diskuss minn kumitat parlamentari ieħor. Is-Sedja tħoss li la l-Kumitat Parlamentari għas-Saħħa kien se jiddiskuti l-kuntratti dwar l-isptarijiet, għandu jinstab konensus bejn il-membri tal-PAC biex flimkien mal-Kumitat tas-Saħħa jiddiskuti dawn il-kuntratti. Dan hu suġġeriment tas-Sedja biex jirbaħ is-sens komun, sostna l-Ispeaker.
//= $special ?>