Lokali

“Għażla bejn partit li jrid inaddaf il-politika u partit li jagħlaq għajnejh għall-korruzzjoni” – Simon Busuttil

L-għażla fl-elezzjoni li ġejja se tkun bejn partit li jrid inaddaf il-politika u partit li jagħlaq għajnejh għall-korruzzjoni.

Hekk sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil meta nhar il-Ħamis filgħaxija kien intervistat minn Saviour Balzan waqt il-programm Xtra.

Matul il-programm Simon Busuttil spjega kif meta l-Partit Nazzjonalista jitkellem dwar il-korruzzjoni jkun qed jitkellem dwar il-fatti. Huwa fatt li Konrad Mizzi u Keith Schembri nqabdu li fetħu kumpaniji sigrieti fil-Panama. Huwa fatt li fil-kontijiet huma riedu jpoġġu commissions u huwa fatt li huma taw il-go ahead biex jinfetħu kontijiet fejn riedu jpoġġu miljun dollaru fis-sena meta Ministru jdaħħal madwar €50,000 fis-sena.

Meta mistoqsi dwar il-kuntratt tal-privatizzazzjoni tat-tliet sptarijiet Simon Busuttil fakkar li l-isptarijiet inbigħu lil kumpanija fil-British Virgin Islands li wieħed mir-rappreżentanti tagħha Ram Tumuluri kien housekeeper f’lukanda li nqabad b’każ ta’ frodi fil-Kanada. “X’esperjenza għandu dan il-biedem biex imexxi l-isptarijiet – fosthom l-uniku sptar f’Għawdex?” staqsa Simon Busuttil.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kkritika wkoll in-nuqqas ta’ trasparenza fil-kuntratti tal-enerġija u fakkar li anke hawnhekk sar kollox bil-moħbi u xejn għadu ma ġie ppubblikat.

Meta mistoqsi dwar il-ħatra tal-eks Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Toni Abela bħala Imħallef, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista staqsa kif wieħed jista’ jkollu rasu mistrieħa meta sa ftit żmien ilu l-istess Toni Abela kien qed jiġġieled fil-Qorti biex il-Partit Nazzjonalista ma jiħux iż-żewġ siġġijiet li kienu mċaħħda lilu mill-Parlament.

Simon Busuttil tkellem ukoll dwar il-Master Plan ta’ Paceville u staqsa kif wieħed jista’ jqum filgħodu u jsib li minflok blokk ta’ residenzi issa hemm triq u li fl-ispazju pubbliku se jinbena l-ogħla torri. Huwa saħaq li l-Partit Nazzjonalista mhuwiex kontra l-iżvilupp għax kien il-Partit Nazzjonalista li żviluppa pajjiż iżda f’każ bħal ta’ Paceville l-Partit Nazzjonalista se jkun fuq in-naħa tar-residenti.

Quddiem dan kollu, saħaq Simon Busuttil, il-Partit Nazzjonalista jrid joffri alternattiva. Dan il-fattur kien imfaħħar ukoll mill-eks Editur ta’ The Sunday Times Lawrence Grech li, meta mistoqsi dwar il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, qal li Simon Busuttil huwa bniedem “kritiku u proattiv” li ħa inizjattivi tajbin ħafna li huma alternattiva għall-gvern.

Waħda minn dawn il-proposti hija d-dokument li għadu kemm nieda l-Partit Nazzjonalista għas-settur tal-ħwienet. Simon Busuttil qal li l-miżura ta’ tnaqqis ta’ taxxa għal 10% fuq l-ewwel €50,000 qligħ se tkun qed tagħti injezzjoni qawwija lil dan is-settur u se tkun qed tħajjar lis-sidien tal-ħwienet biex jinvestu l-qligħ tagħhom flok iħallsuh taxxa.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tenna li huwa jrid li jpoġġi fiċ-ċentru tal-politika tiegħu lil mu hu dgħajjef – lill-pensjonant, lill-marid li qed ikollu jixtri l-mediċini, lill-ħaddiem li qed ibati biex jgħaddi bil-paga minima.

Simon Busuttil fakkar li numru ta’ snin ilu l-poplu kien iffaċjat b’għażla dwar jekk pajjiżna jidħolx jew le fl-Unjoni Ewropea. “Dakinhar għedt il-verità u ma ttradejtkomx u hekk se nerġa’ nagħmel” saħaq Simon Busuttil meta kien qed jitkellem dwar l-għażla li se jkollu quddiem l-poplu fl-elezzjoni ġenerali.

Fuq kollox, temm jgħid il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, pajjiżna ma jistax jaffordja li jibqa’ mmexxi minn gvern korrott  u huwa għalhekk li l-Partit Nazzjonalista irid idaħħal serjetà ġdida fit-tmexxija b’politika nadifa.