Għamel pressjoni biex dan il-każ ma jiġix irrappurtat
Il-Ministru Evarist Bartolo prova jaħbi l-allegat każ ta’ korruzzjoni tal-canvaser tiegħu Edward Caruana tant li għamel pressjoni fuq il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada biex dan iżomm kollox fil-moħbi u ma jieħu ebda passi. Kuntrarjament għal dak li qal fl-aħħar jiem, Evarist Bartolo ilu jaf b’dan l-allegat każ ta’ korruzzjoni minn April li għadda, jiġifieri għal tmien xhur sħaħ.
Dan ġie żvelat minn Philip Rizzo li f’ittra datata l-1 ta’ Diċembru 2016, rriżenja mill-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada, għax, fi kliemu, teżisti wisq differenza fl-etika u fil-mod kif għandha titħaddem il-liġi bejnu u l-Ministru Bartolo. Fl-ittra qal ukoll li tilef kull fiduċja fil-Ministeru ta’ Evarist Bartolo.
L-allegat każ ta’ korruzzjoni mill-canvasser ta’ Evarist Bartolo ġie żvelat fil-Maltatoday fit-13 ta’ Novembru li għadda, fejn saru allegazzjonijiet serji ta’ korruzzjoni minn Edward Caruana fil-kapaċità tiegħu bħala persuna ta’ fiduċja biex jagħti d-direct orders. Edward Caruana hu ħu s-Segretarju Permanenti tal-Ministeru ta’ Evarist Bartolo, Joseph Caruana.
Fl-ittra ta’ riżenja tiegħu, Philip Rizzo – li nħatar f’din il-kariga mill-istess Evarist Bartolo – rrefera għal sensiela ta’ ksur ta’ regoli f’dak li għandu x’jaqsam mal-procurement, jiġifieri l-mod kif jinxtraw l-affarijiet minn naħa tal-Gvern. Hu jgħid ukoll li l-Ministeru ma ddixxiplinax lill-individwu li kiser dawn ir-regoli. Hu jkompli jispjega li Evarist Bartolo ilu jaf bil-vera raġuni għalfejn spiċċa rriżenja minn April li għadda, iżda prova, ripetutament, iżommu milli jirrapporta l-ħafna każi ta’ irregolaritajiet mill-canvasser tiegħu stess.
Minn naħa tiegħu, fl-ittra ta’ tweġiba, Evarist Bartolo ċaħad dawn l-akkużi u qal li se jibgħat l-ittri għand il-Kummissarju tal-Pulizija, l-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni u d-Dipartiment tal-Awditjar Intern u Investigazzjonijiet.
Dan mhux l-ewwel każ ta’ allegat korruzzjoni mill-canvasser tal-Ministru Bartolo u li dwaru ma ħa ebda passi. Fis-sajf tas-sena li għaddiet, skont The Times of Malta, kienu diġà saru dawn l-allegazzjonijiet f’laqgħa li kienet issejħet minn Evarist Bartolo nnifsu, jiġifieri li Edward Caruana kien talab għal €30,000 – f’tixħim – biex ikun jista’ joħroġ ħlasijiet b’rabta ma’ xogħol fuq is-Sixth Form tar-Rabat Għawdex. Dakinhar ukoll, Evarist Bartolo ma ħa ebda passi fil-konfront tal-canvasser tiegħu li hu persuna tal-fiduċja. Dwar dan l-aħħar każ, il-Pulizija temmet l-investigazzjoni tagħha.
//= $special ?>