Lokali

Kumpanija misterjuża rreġistrata fl-istess uffiċju minn fejn topera l-iskema multi-miljunarja tal-GWU

Il-General Workers’ Union (GWU) qed tirrifjuta li twieġeb mistoqsijiet dwar kumpanija li ġiet irreġistrata fl-istess uffiċju minn fejn qed topera l-iskema multi-miljunarja tal-GWU.

L-iskema qed tiġi operata minn fondazzjoni mwaqqfa mill-GWU stess, liema fondazzjoni qed topera minn uffiċju fil-Ħamrun. Iżda skont il-gazzetta Times of Malta, fl-istess uffiċju ġiet irreġistrata kumpanija kummerċjali, bl-isem ‘District Operations Limited’.

Il-kuntratt dwar l-iskema multi-miljunarja, ġie ffirmat bejn il-Gvern u l-GWU – iżda skont The Times, il-Ministeru ta’ Evarist Bartolo ta struzzjonijiet lill-uffiċjali tiegħu biex affarijiet dwar din l-iskema jiġu kkomunikati mal-kumpanija ‘District Operations’.

Jirriżulta li l-bord tad-diretturi ta’ ‘District Operations Limited’ huwa eżatt l-istess bħall-bord tal-Gvernaturi tal-fondazzjoni mwaqqfa mill-GWU biex topera l-iskema. Jirriżulta wkoll, li fost ix-Shareholders ta’ ‘District Operations’ hemm uffiċjali tal-GWU stess.

Dan kollu jqajjem numru ta’ mistoqsijiet, jgħid ir-rapport ta’ The Times. Fosthom jekk il-fondazzjoni tal-GWU li qed topera l-iskema hiex qed tgħaddi fi flejjes lill-kumpanija ‘District Operations’. Madanakollu, The Times tirrapporta li l-mistoqsijiet tagħha ma ġewx imwieġba.

Fl-iskema, il-Gvern qed jagħti miljuni ta’ ewro lill-GWU biex tħaddem skema għall-ħaddiema – liema ħaddiema, madanakollu, jitħallsu bil-paga minima. Skont kalkoli li ma ġewx miċħuda, il-GWU se tkun qed tagħmel profitt ta’ madwar €5 miljuni fuq perjodu ta’ 5 snin minn fuq dahar il-ħaddiema.