Lokali

Jirritorna Misraħ il-Milied fid-Dar Ċentrali

Il-Maratona Ġbir ta’ Fondi se ssir it-Tlieta 13 ta’ Diċembru

Għal sena oħra, l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jorganizza Misraħ il-Milied fid-Dar Ċentrali minn nhar l-Erbgħa 7 sat-Tlieta 13 ta’ Diċembru li ġej. Din hi attività li issa daħlet fil-kalendarju annwali tal-attivitajiet li jorganizza l-Partit Nazzjonalista, attività li tikkonsisti f’diversi avvenimenti għall-familja kollha – minn wirja tal-presepji għal konkors kanzunetta għat-tfal.

Bla dubju, l-aktar attività li se tiġbed nies lejn id-Dar Ċentrali se tkun il-Maratona Ġbir ta’ Fondi li se ssir nhar it-Tlieta 13 ta’ Diċembru mill-10 ta’ filgħodu ‘l quddiem. Minkejja li tkun imxandra live fuq Net Television u Radio 101, il-pubbliku hu mħeġġeġ jattendi, matul din il-ġurnata, fid-Dar Ċentrali fejn se jkun hemm għadd kbir ta’ attivitajiet għall-familja kollha.

Minbarra l-Maratona Ġbir ta’ Fondi, se jkun hemm numru ta’ attivitajiet oħra minn nhar l-Erbgħa li ġej, fosthom wirja tal-presepji. Din il-wirja se tiġi inawgurata nhar l-Erbgħa filgħaxija u tkun miftuħa kuljum sat-Tlieta 13 ta’ Diċembru.

Is-Sibt 10 u l-Ħadd 11 ta’ Diċembru se jkun organizzat ukoll Konkors Kanzunetta għat-Tfal li l-biljetti għalih jistgħu jiġu akkwistati mill-bieb tad-Dar Ċentrali dakinhar tal-konkors. Mis-Sibt 10, imbagħad sat-Tlieta 13 ta’ Diċembru, d-Dar Ċentrali se tinbidel f’atmosfera tal-Milied fejn fost l-oħrajn se jkun hemm bejgħ ta’ diversi affarijiet tal-Milied, stands tal-ikel u xorb li jinkludu wkoll xorb tradizzjonali tal-Milied, kif ukoll żona għat-tfal.

Id-dettalji u l-ħinijiet tal-attivitajiet kollha tistgħu ssegwuhom hawn: www.pn.org.mt/milied