Frankfurt hi fus ewlieni fl-Ewropa u sors importanti għal diversi operaturi, partikolarment dawk li jaħdmu fis-suq turistiku Ġermaniż. Id-deċiżjoni li l-Air Malta se twaqqaf it-titjiriet minn u lejn Frankfurt hi aħbar inkwetanti li ma nistgħu qatt naqblu magħha.
Fi stqarrija ffirmata mix-Shadow Minister għall-Ekonomija Claudio Grech u l-Kelliem għat-Turiżmu Antoine Borg, il-Partit Nazzjonalista qal li teżisti domanda għal dawn it-titjiriet mill-linja nazzjonali tal-ajru Maltija, b’mod partikolari minn diversi operaturi lokali. L-isforzi tal-Gvern u l-Air Malta – flok iwaqqfu din ir-rotta – għandhom ikunu biex iżidu b’kull mezz il-kapaċità l-ġarr tal-passiġġieri minn u lejn Malta. Aktar kapaċità tfisser aktar flessbilità, żieda fil-kompetittività tal-aġenti u tisħiħ tal-industrija tat-turiżmu.
L-istqarija tkompli li dan hu r-riżultat tad-deċiżjoni li tiċkien il-flotta tal-Air Malta – deċiżjoni ħażina li poġġiet limitazzjonijiet serji fuq l-operat tal-Air Malta.
Fil-fatt, din mhix l-ewwel rotta li twaqqfet fl-aħħar xhur, għaliex minbarra minn u lejn Frankurt, l-Air Malta waqfet it-ttir minn u lejn Berlin u Gatwick f’April u Mejju.
Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jinsisti biex qabel jgħaġġel b’ċertu deċiżjonijiet, l-Gvern ifittex it-triq tal-kollaborazzjoni u d-deċiżjonijiet jeħodhom bi strateġija long-term.
//= $special ?>