Il-Ministru Evarist Bartolo għandu jipprattika dak li jippriedka u jerfa’ r-responsabbiltà politika għal dak li qed jiġi akkużat bih: korruzzjoni fil-Ministeru tiegħu, li ilu jaf b’din il-korruzzjoni minn April li għadda, li ma ħa ebda passi, u li għamel pressjoni biex din il-korruzzjoni tibqa’ moħbija. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt li kien qed jindirizza attività politika bit-tema ‘Nirnexxu lkoll flimkien’ fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista f’Ħaż Żabbar.
Simon Busuttil irrefera għall-aħħar żviluppi f’dan l-iskandlu wara li l-eks Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada qal li Evarist Bartolo kien jaf b’din il-korruzzjoni b’email, SMS u anke wiċċ imb’wiċċ. Hu fakkar li l-istess Bartolo kien jikkwota lir-rumani u jgħid li teżisti liġi għall-allat u liġi oħra għall-annimali. Evarist Bartolo kien jgħid ukoll li kieku hu kien flok Konrad Mizzi, kien jirriżenja. Għalhekk, issa wasal iż-żmien li Evarist Bartolo jipprattika dak li jippriedka.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-uniku refuġju ta’ Evarist Bartolo hu li l-Prim Ministru, li suppost jieħu l-passi kontrieh, hu agħar minnu fil-korruzzjoni. “Muscat ma jistax ikeċċieh għax fejn tidħol il-korruzzjoni, hu agħar minn Evarist Bartolo,” qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Hu qal li jekk dan ma jseħħx, ir-responsabbiltà tkompli tikber fuq il-Prim Ministru.
Simon Busuttil qal li dan l-iskandlu mhux biss jinvolvi l-għoti ta’ direct orders lil min iridu huma, iżda li canvaser ta’ Evarist Bartolo u li jaħdem fl-istess Ministeru, kien jitlob il-commissions fuq dawn id-direct orders. “Mhux biss dawk li fetħu l-kumpaniji sigrieti fil-Panama qegħdin hemm għall-commissions, iżda anke min jaħdem fil-Ministeru ta’ Evarist Bartolo jrid il-commissions. Ibillu subgħajhom kullimkien!” qal Simon Busuttil.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rrefera wkoll għall-iskema ta’ prekarjat ta’ Evarist Bartolo. “Qabdu 600 persuna li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol, poġġewhom mal-GWU u tawhom il-minimum wage, meta ħaddiema oħra li qed jagħmlu l-istess xogħol qed jaqilgħu aktar minnhom,” qal Simon Busuttil. Hu sostna li minn fuq kull ħaddiem, il-GWU qed tagħmel profitti ta’ €150 kull xahar, li jfisser li l-GWU qed tagħmel profitti ta’ miljun ewro fis-sena minn fuq dahar dawn is-600 ħaddiem. “Dawn in-nies tilfu kull sens ta’ mistħija. Hawn nies li mhux ilaħħqu mal-ħajja bil-paga li għandhom, imbagħad idaħħlu skemi bħal dawn bil-prekarjat,” qal Simon Busuttil.
Hu sostna li r-responsabbiltà hi fuq il-Partit Nazzjonalista li jrid ikun hemm għal kull min hu żgħir, kemm il-ħaddiema kif ukoll in-negozjanti ż-żgħar. Hu għalhekk, sostna Simon Busuttil, li aħna favur li l-paga minima tiżdied, u l-proposta ta’ 10% taxxa għal tal-ħwienet tfisser li qed nagħtu aktar flus lin-negozjanti biex iħallsu pagi aħjar.
Simon Busuttil fakkar li din il-ġimgħa ma kienx hemm biss l-iskandli ta’ Evarist Bartolo, iżda kien hemm il-gidba ta’ Owen Bonnici taħt ġurament biex jiddefendi l-commissions ta’ Henley & Partners, kif ukoll it-telefonata taċ-Chief of Staff ta’ Ian Borg lill-Assistent Kummissarju tal-Pulizija, u li wara t-telefonata, Daniel Bogdanovic inħeles mill-arrest biex imur jilgħab il-futbol. “Il-messaġġ lin-nisa kollha li kienu, huma jew jista’ jkunu vittma ta’ vjolenza domestika mingħand il-Gvern hu li għalih, l-importanti hu l-aggressur u mhux il-vittma,” qal Simon Busuttil.
L-uniku partit politiku li se jnaqqas it-taxxa għan-negozji ż-żgħar għal 10% hu l-Partit Nazzjonalista
Wara li l-Partit Laburista ħareġ kontra l-proposta innovattiva tal-Partit Nazzjonalista li jnaqqas it-taxxa għal kull min jagħmel attività kummerċjali għal 10%, issa hu kkonfermat li l-uniku partit li se jwettaq din il-proposta hu l-Partit Nazzjonalista. Hu qal li se jkompli jdur l-irħula Maltin u Għawdxin biex jippreżenta d-dokument b’51 proposta għal tal-ħwienet, b’mod partikolari l-proposta li ntlaqtet tajjeb minn kulħadd u tirreferi għal kull min jagħmel attività kummerċjali. Din il-proposta se tidħol fis-seħħ fl-ewwel budget ta’ Gvern Nazzjonalista ġdid.
Niftakru f’dak li ġara 30 sena ilu biex nassiguraw li nibqgħu niddefendu l-libertà
Fil-bidu tad-diskors tiegħu, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista rrefera għall-avvenimenti ta’ 30 sena ilu u qal li qed infakkruhom mhux biex immorru lura fil-passat iżda għax għandna d-dmir li bħala partit, nibqgħu niddefendu l-libertà li tant ħdimna għaliha. Hu sellem il-memorja ta’ Raymond Caruana u l-familja tiegħu, kif ukoll sellem lil Pietru Pawl Busuttil li kien sar frame-up fuqu wara li ġie akkużat bil-qtil ta’ Caruana. “Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jiddefendi l-libertà li b’tant sagriffiċji ħdimna għalihom,” qal Simon Busuttil.
Fi tmiem id-diskors tiegħu, Simon Busuttil qal li se jkompli jaħdem biex il-poplu Malti u Għawdxi jkollu Gvern li jixraqlu, li jkun onest u ma jħallix is-sitwazzjoni tal-korruzzjoni f’pajjiżna tkompli tiddeterjora. Hu stieden lil-poplu Malti u Għawdxi biex jingħaqad miegħu u jagħti s-sehem tiegħu biex nirnexxu lkoll flimkien.
//= $special ?>