Revelazzjoni ġdida: issa, l-Ministru kien diġa’ jaf bil-korruzzjoni sentejn ilu
Il-Prim Ministru jiddefendi lil Bartolo u jgħid li qed jemmen il-verżjoni tiegħu
Minkejja kull attentati li qed jiprova jagħmel biex jiddefendi l-akkużi gravi kontrih, dettalji ġodda li ħarġu dalgħodu jkomplu jikkonfermaw li l-Ministru Evarist Bartolo mhux qed jgħid il-verità meta jgħid li sar jaf bil-korruzzjoni tal-canvaser tiegħu f’Settembru li għadda. The Sunday Times żvelat li l-eks Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada Philip Rizzo kien informa lill-Ministru b’din il-korruzzjoni b’email, SMS u anke wiċċ imb’wiċċ. Iżda, kif anke qal fl-ittra tiegħu ta’ riżenja, Evarist Bartolo mhux talli m’għamel xejn b’dawn l-allegazzjonijiet, iżda għamel pressjoni biex din il-korruzzjoni tibqa’ moħbija u ma tiġix investigata.
Il-Maltatoday, minn naħa l-oħra, qed tiżvela li Evarist Bartolo kien jaf b’din il-korruzzjoni minn Frar 2015, jiġifieri kważi sentejn ilu, meta persuna li kien ħa sehem f’tender kompetittiv, kien informa lil Bartolo li l-canvaser tiegħu kien bagħtu jagħmel kuntatt ma’ Sandro Ciliberti għal prodotti speċifiċi. Minn naħa tiegħu, l-Prim Ministru Joseph Muscat diġà ħa pożizzjoni dwar dawn l-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni u qal li hu jemmen il-verżjoni li qed jagħti Evarist Bartolo u mhux Philip Rizzo.
F’kummenti fil-ġurnal Sunday Times of Malta permezz tal-Avukat tiegħu, Arthur Azzopardi, Philip Rizzo talab lill-Ministru Bartolo biex qabel ma jagħmel stqarrijiet oħra iħares lejn l-email personali tiegħu tal-Hotmail. L-avukat ta’ Rizzo jsostni li l-Ministru kien informat bl-allegat korruzzjoni permezz ta’ email, SMS u wiċċ imb’wiċċ. Huwa baqa’ jinsisti li infurmah b’dawn l-allegazzjonijiet sa minn April li għadda, iżda l-Ministru baqa’ jżomm kollox fil-moħbi.
Minn naħa tiegħu, Bartolo qed jibqa’ jinsisti li jħossu ttradut u li Rizzo qed jigdeb bl-avukat ta’ Rizzo jisħaq li jekk l-Ministru jħoss dan kull ma għandu jagħmel huwa li jiftaħlu kawża l-Qorti. Huwa saħaq li l-allegazzjonijiet li qed jagħmel Rizzo huma dokumentati u li hemm prova miktuba għal kull allegazzjoni.
Meta mistoqsi mill-ġurnal Sunday Times, il-Ministru Bartolo ċaħad l-allegazzjonijiet u qal li huwa sar jaf bl-allegat korruzzjoni f’Awwissu u mhux f’April. Minn naħa tiegħu, l-Prim Ministru ddefenda lil Evarist Bartolo u qal li aġixxa b’mod korrett minħabba li l-allegazzjonijiet issa qed jiġu investigati.
Intant fl-editorjal, il-gazzetta The Sunday Times isejjaħ għar-riżenja ta’ Evarist Bartolo. L-editorjal ifakkar li sa mill-bidu tal-leġiżalutura ħafna stenew li l-ħatriet ibbażati fuq nepotiżmu se jsarrfu f’inkwiet għall-Gvern kif fil-fatt ġara f’dan il-każ fejn Edward Caruana, canvassaer tal-Ministru Bartolo, kien f’pożizzjoni li jinnegozja kuntratti fil-bini tal-iskejjel. L-editorjal jisħaq li l-fatt li Edward Caruana huwa l-persuna tal-fiduċja ta’ Evarist Bartolo tagħmel lill-Ministru responsabbli ta’ dak li ġara u titlob lill-Prim Ministru jagħmel inkjesta indipendenti biex tiddetermina r-responsabilità politika ta’ Evarist Bartolo. Sakemm issir din l-inkjesta l-editorjal jitlob li kemm il-Ministru Evarist Bartolo kif ukoll is-Segretarju Permanenti għandhom jissospendu lilhom infushom mill-kariga tagħhom.
Evarist Bartolo jirreaġixxi: jiftaħ attakk fuq min qed jikxef il-korruzzjoni
Ir-reazzjoni ta’ Evarist Bartolo għall-fatti ġodda żvelati dalgħodu – jiġifieri li hu kien ilu jaf bil-korruzzjoni minn Frar 2015 u li kien jaf b’email, SMS u anke wiċċ imb’wiċċ – kienet ta’ attakk feroċi fuq min qed jikxef din il-korruzzjoni, jiġifieri Philip Rizzo.
Philip Rizzo kien kostrett jirriżenja minn Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada minħabba din il-korruzzjoni – kif spjega fl-ittra ta’ riżenja tiegħu tal-1 ta’ Diċembru 2016.
Evarist Bartolo jattakka lil Rizzo bħala “kavallier fuq żiemel abjad”, “primadonna kappriċjuż” u li “qed jgħawweġ il-fatti”.
Philip Rizzo hu persuna ta’ fiduċja tal-istess Evarist Bartolo tant li kien hu li ħatru Kap Eżekuttiv tal-FTS u li sa ftit ġimgħat ilu kien ifaħħru għax-xogħol li jwettaq f’din il-fondazzjoni. Issa li beda jikxef il-korruzzjoni, dan it-tifħir inbidel f’attakk personali.
//= $special ?>