Lokali Qorti

Id-Dwana ordnata teqred kunsinna ta’ 6,800 par żraben foloz tad-ditta Adidas

Il-Qorti laqgħet talba tal-kumpanija Ġermaniża ta’ prodotti sportivi Adidas u ordnat li tinqered kunsinna ta’ 6,800 par ta’ żraben sportivi foloz, li kienu nqabdu mid-Dwana ta’ Malta.

Adidas fetħet każ ta’ ksur ta’ drittijiet intellettwali wara li fil-5 ta’ Awwissu li għadda, waslet din il-kunsinna fil-Port Ħieles abbord il-bastiment CMA-CGM Medea mill-Alġerija. Il-manifest kien jaqra li ż-żraben kellhom il-marki ta’ Adidas. Il-kunsinna kienet ordnata mill-kumpanija Good Promotion Enterprises u kienet destinata għall-esportazzjoni lejn pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea. Uffiċjali tad-Dwana kien ġiehom suspett li l-merkanzija setgħet kienet falza u testijiet li saru wara ikkonfermaw dan is-suspett.

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, preseduta mill-Imħallef Mark Chetcuti, innutat li d-dokumenti preżentati mar-rikors essenzjalment jikkonfermaw għal kollox l-allegazzjonijiet magħmula mill-kumpanija Adidas. Għaldaqstant, il-Qorti ordnat lill-Kontrollur tad-Dwana biex jeqred il-merkanzija fi żmien 90 jum mill-ħruġ tas-sentenza mingħajr ebda kumpens lill-partijiet.
Min-naħa tagħhom, ir-rappreżentanti ta’ Good Promotion Enterprises u l-kumpanija Samara Impex fl-Alġerija wieġbu li ma kienu jafu xejn b’din il-kunsinna u rriżervaw id-dritt li jwieġbu fi stadju ulterjuri.

Il-Qorti ordnat ukoll li ż-żewġ kumpaniji jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż ta’ trasport, ħażna u distruzzjoni tal-merkanzija.

L-Avukat Antoine Camilleri deher għall-kumpanija Adidas.

Tags