Lokali Qorti

Silvio Scerri jitlef il-kawża ta’ libell kontra John Bundy

“Il-Kumment ta’ John Bundy (li Silvio Scerri ordna li Norman Vella jitneħħa minn TVM) ma setax kien wieħed malafamanti għaliex kien ibbażat fuq fatti.”

“Id-Deċiżjoni li jitneħħa Norman Vella minn TVM kienet waħda amministrattiva kif ukoll politika. Filwaqt li d-deċiżjoni amministrattiva kienet tispetta lis-Segretarju Permanenti, id-deċiżjoni politika kienet tispetta liċ-Chief of Staff tal-Ministru li jkun qiegħed jattwa d-direzzjoni mogħtija lilu mill-Ministru u mill-Gvern tal-ġurnata..”

Sostniet dan il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Francesco Depasquale, li fis-sentenza tagħha ċaħdet il-kawża ta’ libell minn Silvio Scerri l-eks Chief of Staff tal-Ministru Manwel Mallia kontra John Bundy. Silvio Scerri fetaħ il-kawża ta’ libell wara li kien irrappurtat li John Bundy kien preżenti sema’ lill-istess Scerri, waqt telefonata ma’ persuna oħra msemmija biss bħala “Anton”, jordna li Norman Vella għandu jitneħħa minn preżentatur fuq l-istazzjon nazzjonali u jerġa’ jintbagħat fis-sezzjoni tal-immigrazzjoni.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti osservat illi bħala Chief of Staff, Silvio Scerri kien responsabbli sabiex jassigura li d-direzzjoni politika mitluba mill-Ministru tiegħu tiġi rispettata u għalhekk kien responsabbli għall-implimentazzjoni tad-direzzjoni politika rikjesta mill-Gvern tal-ġurnata.

Għaldaqstant, il-Qorti ssibha diffiċli temmen li Silvio Scerri, bħala Chief of Stafff, ma kienx jaf dwar il-fatt li kienet ittieħdet deċiżjoni biex jitneħħa Norman Vella u li ma kienx jaf li kienet għaddejja korrispondenza bejn is-Segretarju Permanenti u l-Uffiċċju tal-Prim Ministru għal dan il-għan, u meta s-Segretarjat tiegħu kien qiegħed regolarment jirċievi ilmenti dwar Norman Vella dwar il-fatt li tħalla jittella’ programmi televiżivi fuq TVM għalkemm kien hemm bidla fil-Gvern.

Min-naħa l-oħra, il-Qorti nnutat li l-verżjoni tal-fatti kif deskritti minn John Bundy huma ferm iktar veritjieri u verifikabbli minn kif deskritti mill-istess Silvio Scerri.

Norman Vella tneħħa mill-PBS u kien ordnat jirrapporta fl-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni fl-1 ta’ Lulju 2013. F’Ottubru tal-istess sena Vella fetaħ proċeduri kontra l-Prim Ministru quddiem il-Kummissjoni dwar l-Impjiegi fejn allega li t-transfer tiegħu kien jammonta għal diskriminazzjoni politika. Fix-xhur ta’ wara, Vella inzerta iltaqa’ ma’ Bundy u dan tal-aħħar kien qallu li kien Silvio Scerri li ma riedux iktar ġewwa l-PBS. Norman Vella staqsa lil Bundy jekk setax jikkwotah u John Bundy wieġeb li ma kellu ebda diffikulta’. Sussegwentement, f’Ġunju tal-2014, Vella xehed quddiem il-Kummissjoni għall-Impjiegi b’dak li kien qallu John Bundy, liema xhieda ġiet rappurtata fil-mezzi tax-xandir u li wasslet biex Silvio Scerri fetaħ din il-kawża kontra John Bundy.

Il-Qorti laqgħet id-difiża ta’ Bundy u ċaħdet it-talbiet ta’ Scerri wara li rriżulta li l-artikli fil-gazzetti kienu ibbażata fuq fatti.