Lokali

FILMAT: Konferma li Chris Cardona kien fil-burdell FKK Acapulco

Wara l-allegazzjonijiet dwar iż-żjarat tal-Ministru Chris Cardona f'burdell fil-Ġermanja, NET News mar il-Ġermanja, infiltra fil-burdell FKK Acapulco u saħansitra rnexxielu jikseb konferma minn żewġ prostituti li kkonfermaw li raw lil Chris Cardona fil-burdell.

NET News jippubblika filmati esklussivi minn ġol-Acapulco, u filmat b’xhieda ta’ prostituti jikkonfermaw li raw lil Chris Cardona

“Iva” – risposta ċara u inekwivoka minn żewġ prostituti li jaħdmu fl-istabbiliment FKK Acapulco, fil-Ġermanja, u li kkonfermaw li l-Ministru Malti Chris Cardona kien fil-burdell.

L-istorja kienet żvelata oriġinarjament mill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, li permezz sors tagħha, żvelat li Chris Cardona kien fil-burdell ‘Acapulco’ nhar it-Tnejn filgħaxija u t-Tlieta waranofsinhar.

Fid-dawl tal-allegazzjonijiet, aħna morna l-Ġermanja biex jinvestigaw l-istorja, fejn irnexxielna mhux biss ninfiltraw l-istabbiliment, imma saħansitra jiksbu kummenti ta’ żewġ prostituti li kkonfermaw li raw lil Chris Cardona.

(Filmat: Minn ġol-Acapulco)

Konna fit-terrazin tal-kumpless, fis-sular ta’ fuq, meta qabad konversazzjoni ma’ żewġ prostituti li kienu qed ippejpu sigarett, f’żona fejn normalment it-tfajliet jieqfu jieħdu pawża.

“Ħa nurkom xi ħaġa” bdiet il-konversazzjoni mal-prostituti, waqt li urejniehom ritratt ta’ Chris Cardona.

Waħda mill-prostituti, għall-bidu bdiet tipprova tiftakar, u għaddiet ir-ritratt lill-prostituta ta’ maġenba, li wara li ħasbitha ftit qalet… “jidhirli li iva”. Użat ukoll il-kelma “da”, li bir-Russu tfisser “iva”.

Sussegwentament, urejniehom ritratt ta’ Joe Gerada, il-konsulent ta’ Chris Cardona li kien qed jakkumpanja lill-Ministru għaż-żjara tagħhom waqt xogħol tal-Gvern fil-Ġermanja.

Filfatt, skont dak żvelat, jirriżulta li l-Ministru Cardona u l-konsulent tiegħu Joe Gerada żaru l-burdell jumejn fuq xulxin waqt iż-żjara tagħhom fil-Ġermanja.

L-ewwel żjara, skont dak rappurtat, seħħet nhar it-Tnejn filgħaxija, għall-ħabta tas-sebgħa, u damet madwar tliet siegħat. Skont dak rappurtat ukoll, il-Ministru Cardona kien involut f’attività sesswali bejn tliet persuni. It-tieni żjara seħħet l-għada waranofsinhar, għall-ħabta tal-erbgħa, eżattament wara diskors li Cardona għamel waqt konferenza uffiċjali. Id-diskors sar f’Essen, madwar nofs siegħa bogħod mill-burdell.

Apparti r-recording taż-żewġ prostituti, il-ġurnalisti tkellmu ma’ prostituta oħra. Din id-darba, id-diskursata, bit-Taljan, seħħet fil-kamra prinċipali tal-burdell; jiġifieri l-kamra fejn l-irġiel ipoġġu fuq is-sufanijiet waqt li jaraw lit-tfajliet jiżfnu.

Din it-tfajla, ikkonfermat li rat lil Chris Cardona, iżda żiedet li ma ratux fl-istess ġurnata li konna qed nistaqsuha.
Il-burdell ‘Acapulco’ hu magħmul minn numru kbir ta’ kmamar, fosthom il-kamra prinċipali, attrezzata b’bar, il-kamra bis-sauna, il-kamra fejn wieħed ibiddel il-ħwejjeġ, il-kmamar attrezzati b’showers, u l-kmamar tas-sodda fejn il-prostituti jkollhom x’jaqsmu.

Morna fil-burdell għall-ewwel darba bħala klijenti normali, fejn ħallasna biex dħalna u ingħatajna l-ilbies tal-banju, li wieħed bilfors irid jilbes sakemm ikun ġol-burdell. Min juża s-sauna u x-showers, irid joqgħod kompletament għarwien.

L-għada li żorna l-burdell bħala klijenti, biex ninvestigaw xi jseħħ fl-istess kmamar li Chris Cardona qed jiċħad li kien fihom, erġajna żorna l-burdell b’mod uffiċjali biex nistaqsu lill-management jekk żarx il-burdell il-Ministru Chris Cardona. Malli tfaċċajna bil-kameras, ġejna mhedda bil-Pulizija u għaldaqstant kellna nħallu l-post.

Intant, filgħaxija, waqt edizzjoni speċjali tal-programm NET LIVE fuq NET Television, f’telefonata diretta, l-Uffiċjal tal-Komunikazzjoni tal-Prim Ministru, Kurt Farrugia, rrifjuta li jwieġeb il-mistoqsijiet ta’ NET News dwar l-aħħar żviluppi f’dan l-iskandlu. Hu rrifjuta li jgħid x’passi se jkun qed jieħu l-Prim Ministru dwar id-Deputat Mexxej tiegħu fid-dawl ta’ dak li qed niżvelaw.

Sadanittant, il-Ministru Chris Cardona ħabbar li se jkun qed jiftaħ libell kontra l-Oppożizzjoni u l-media tal-Partit Nazzjonalista, iżda baqa’ jirrifjuta li jgħid fejn kien fil-ħin li qed ikun allegat li kien fil-burdell.

Filmat: NET News jipprova jieħu kummenti mit-tmexxija tal-burdell