L-MMSA hija vuċi importanti mhux biss fost l-istudenti tal-Università iżda wkoll fis-soċjetà in ġenerali. Dan qalu l-Kap tal- Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt laqgħa mar-rappreżentanti tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Istudenti tal-Mediċina.
Simon Busuttil qal li l-MMSA tirrapreżenta żgħażagħ li jkunu qegħdin jippreparaw rwieħhom għal waħda mill-aktar professjonijiet importanti. Huwa faħħar lill-membri tal-assoċjazzjoni tal-impenn tagħhom sabiex iżommu l-MMSA attiva u relevanti, bħal ma deher fil-Kungress Nazzjonali li sar is-sena li għaddiet.
Il-President tal-MMSA Victoria Camilleri irringrazzjat lil Simon Busuttil tal-istedina biex ikunu jistgħu jwasslu l-vuċi tal-istudenti lill-Partit Nazzjonalista. Hija qalet li l-Assoċjazzjoni tfittex dejjem li ġġib ‘il quddiem l-interessi tal-istudenti u l-professjoni medika.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mix-Shadow Minister għas-Saħħa Claudette Buttigieg, u mill-kandidati għall-elezzjoni ġenerali Ian Vassallo Hagi u Dr. Mario Rizzo Naudi.