Lokali

Żewġt irġiel arrestati dwar droga

Drogi varji - ritratt mill-arkivji

Ħidma konġunta bejn il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, wasslet għall-arrest ta’ raġel ta’ 34 sena t-Tnejn filgħaxija.

Ir-raġel kien fl-inħawi taċ-Ċimiterju tal-Addolorata, meta nstab fil-pussess ta’ madwar 16-il gramma sustanza suspettata eroina u madwar nofs gramma sustanza suspettata kokaina.

Hu tressaq il-Qorti taħt arrest ilbieraħ u ġie akkużat bi traffikar u pussess aggravat tad-droga eroina u pussess sempliċi tad-droga kokaina u raża tal-kannabis, kif ukoll talli hu reċidiv.

It-Tnejn kien arrestat ukoll raġel ieħor ta’ 31 sena, residenti l-Belt Valletta, fejn waqt tfittxija mill-membri ta’ kontra d-Droga, f’kamra ta’ lukanda ġewwa l-Gżira, huwa nstab fil-pussess ta’ diversi qratas b’sustanza suspettatti kokaina u li kienu lesti biex jiġu ttraffikati, flimkien ma’ affarijiet relatati mal-abbuż u ttraffikar tad-droga.

Huwa ukoll tressaq taħt arrest il-Qorti, dalgħodu, akkużat bil-pussess aggravat tad-droga kokaina u eriona, talli huwa reċidiv u anke talli kkommetta l-imsemmija reati f’distanza ta’ mitt metru minn post fejn jiltaqgħu ż-żgħażagħ.

Iż-żewġ persuni ma ngħatawx il-libertà proviżorja u qed jinżammu taħt arrest preventiv ġewwa l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.