Lokali Qorti

Mandat ta’ sekwestru fuq €46,000 mill-kontijiet bankarji ta’ Daphne Caruana Galizia

“Id-deċiżjoni tal-Qorti li iffriżat l-assi bankarji tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia b’mandat ta’ sekwestru fuq erba’ libelli li saru kontriha mill-Ministru Chris Cardona u minn Joe Gerada, il-policy officer tiegħu għall-Presidenza tal-UE hi daqqa għad-demokrazija u għal-liberta tal-istampa.”

Hekk qalet il-ġurnalista Daphne Caruna Galizia wara li l-Qorti laqgħat talba li għamel il-Ministru Chris Cardona, li permezz tal-Maġistrat Gabriella Vella laqgħet it-talba w ordnat li jkunu iffriżati l-kontijiet bankarji tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fuq mandat ta’ sekwestru għal erba’ libelli li Chris Cardona għamel kontriha.

Il-Ministru Cardona fetaħ kawża kontra Daphne Caruana Galizia dwar allegazzjonijiet li kien f’Burdell fil-Ġermanja. Il-Ministru Cardona qed jiċħad li mar fil-burdell fil-Ġermanja waqt li kien fuq xogħol tal-Gvern.

Daphne Caruana Galizia fil-blogg tagħha sostniet li s-sors tagħha hu ta’ mibn jorbot fuqu u anke ippubblikat dettalji dwar dak li allegatament għamel il-Ministru Cardona fil-burdell.

Il-Ministru Chris Cardona talab lill-Qorti toħroġ mandati ta’ sekwestru ta’ €11,500 – li hu l-ammont massimu, fuq kull wieħed mill-erba’ libelli.

Sadattant Daphne Caruana Galizia fi stqarrija ikkonfermat li l-kontijiet bankarji tagħha kienu iffriżati għal ammont ta’ €47,460 u qalet li dawn il-flus se jibqgħu iffriżati sakemm il-każ jingħalaq ħafna snin oħra. Hi qalet li Chris Cardona u Joe Gerada, il-policy officer tiegħu għall-Presidenza tal-UE issa għandhom interess akbar biex itawwlu l-każ kemm jista’ jkun għax qalet li mhux talli dawn qed jiġdbu għax hemm xhieda li ragħhom f’FKK Acapulco, imma aktar ma jtawlu, il-kontijiet bankarji tagħha jibqgħu iffriżati għal ammont li jiddeċiedu huma bħala miżura ta’ prekawzjoni.

Daphne Caruna Galizia spjegat li filwaqt li mandati ta’ sekwestru għal każi kummerċjali fejn kumpaniji u individwi jfittxu għal xi dejn li jkollhom, l-użu tal-mandati ta’ sekwestru f’libelli qatt ma saru.

Hu qalet li mandati ta’ sekwestru kontra ġurnalist ifisser li l-ġurnalist effetivament qed ikun imġiegħel iħallas kastig qawwi qabel ma l-każ jibda jinstema’ u snin qabel tingħata s-sentenza.

Daphne Carunana Galizia qalet li s-sistema kif inhi llum tista’ tkun abbużata mill-politiċi li jippruvaw jagħlqu ħalq il-ġurnalisti li jippruvaw jikxfulhom l-abbużi biex l-abbużi tagħhom ma jinkixfux. Anke’ jekk il-ġurnalist ikollu l-fatti u x-xhieda, xejn ma jżomm lill-politiku li jtawwal il-każ għal snin sħaħ għal skopijiet malizzjużi.

Hi qalet li l-implikazzjonijiet ta’ dan fuq sħabha l-ġurnalisti u kollegi fil-media huma kbar u dak li għamlu Chris Cardona u Joe Gerada f’dan il-każ jista’ jsir kontra kull ġurnalist jew editur li jiffaċċja kawża ta’ libell.

Dan se jkollu effett ħażin ħafna fuq il-lioberta tal-istampa għax issa l-ġurnalisti mhux biss iridu joqogħdu b’għajnejhom miftuħa fuq il-libelli, imma wkoll għal mandati ta’ sekwestru li jiffriżawlhom il-kontijiet bankarji tagħhom sakemm jingħalaq il-każ.

Daphne Caruna Galizia temment li ħadd ma jista’ jkun sorpriż li l-ġurnaliżmu f’Malta sejjer lura u inqas nies qed jagħżmu li jaqbdu karriera fil-ġurnaliżmu u l-ġurnalisti jkunu mbeżża’ jagħmlu xogħlhom tajjeb. Juri wkoll liem l-politiċi korrotti qed jirbħu l-logħba, temmet Daphne Caruana Galizia.