Chris Cardona jikkonferma: Il-mara tal-Ministru Konrad Mizzi għadha qed tirċievi €13,000 fix-xahar u se tibqa’ fil-kariga fiċ-Ċina “sakemm tinstab persuna ideali”.
Il-konferma ġiet wara storja żvelata minn Daphne Caruana Galizia li l-Gvern kien ġedded il-kuntratt tal-mara tal-Ministru Konrad Mizzi bħala r-Rappreżentant Speċjali ta’ Malta fiċ-Ċina, b’paga ta’ €13,000 fix-xahar.
Chris Cardona – li bħalissa jinsab f’nofs kontroversja wara li nqabad li hu u l-konsulent tiegħu kienu f’burdell fil-Ġermanja waqt żjara uffiċjali tal-Gvern Malti u tal-Presidenza Ewropea – kellu jikkonferma – minkejja li din baqgħet tinżamm sigrieta – li Sai Mizzi se tibqa’ fil-kariga “sakemm tinsab persuna ideali biex tokkupa din il-kariga strateġikament importanti għal pajjiżna”.
Chris Cardona: “mhux faċli tattira u ssib persuni bil-ħiliet neċessarji biex jokkupaw din il-kariga”
Chris Cardona, li ħa post Konrad Mizzi wara li dan kellu jirriżenja wara li nqabad li fetaħ kumpanija sigrieta fil-Panama biex fiha jitfa’ miljun ewro fis-sena ġejjin mill-commissions, saħansitra qal ukoll li “mhux faċli tattira u ssib persuni bil-ħiliet neċessarji biex jokkupaw din il-kariga”.
Dwar dan il-każ, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li xi ħadd irid jerfa’ r-responsabbiltà dwar din il-gidba.
“Issa minn wara dahar kulħadd jirriulta li l-kuntratt għadu fis-seħħ, li għadha impjegata mal-Gvern u li għada qed titħallas €13,000 fix-xahar” qal Simon Busuttil, li żied “ħadd ma jaf x’għamlet għal pajjiżna konkretament” u li “diġa huwa ħażin li tiġi impjegata b’dan il-mod u ma tat l-ebda riżultat ta’ xejn, iżda issa ħarġet din il-gidba fejn jeħtieġ li xi ħadd jerfa’ r-responsabbiltà għaliha”.
B’dan l-iżvilupp, għal darb’oħra, l-Ministru Konrad Mizzi nqabad jigdeb meta fi Frar tas-sena li għaddiet, dakinhar li ġie elett Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, kien qal pubblikament li l-mara tiegħu biex se tibqa’ titħallas is-somma ta’ €13,000 għaliex mhux se jkollha l-kuntratt tagħha mġedded.
Ilbieraħ fil-Parlament, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil għamel numru ta’ mistoqsijiet dwar dan il-każ.
//= $special ?>