Sport

Suarez se jappella l-karta ħamra

L-attakkant ta’ Barcelona Luis Suarez qed jittama li l-appell isalvah milli jitlef il-finali tat-Tazza tar-Re wara li tkeċċa fis-semifinali kontra Atletico Madrid. Suarez skurja l-gowl importanti fid-draw ta’ 1-1 tal-bieraħ biex assigura r-raba’ finali konsekuttiva għal Barcelona, f’logħba li fiha tkeċċew tliet plejers.

Iżda l-Urugwajan li tkeċċa għall-ewwel darba fi tliet snin ma’ Barcelona qal li l-minkeb li uża fuq Koke fil-ħin miżjud tal-partita lanqas biss kien fawl. “Nispiċċa nidħaq għaliex kienet qisu hu ried jagħmilha. Irridu naraw jekk nistgħux nappellaw it-tieni karta safra għaliex lanqas kien fawl, imma diġà nafu kif jaħdmu l-affarijiet, għalhekk jien irrabjat.”