Internazzjonali

Awtoritajiet fil-Libja jopponu l-pjani tal-UE għall-immigranti

L-awtoritajiet lokali fi Tripli u bnadi oħra tal-Libja qegħdin iżidu r-reżistenza għall-pjani tal-Unjoni Ewropea biex trażżan l-immigrazzjoni lejn l-Italja.

Iċ-ċirkustanzi mistennija jikkumplikaw aktar l-isforzi, wara li l-kap tal-politika barranija tal-UE, Federica Mogherini, ħabbret pjan — li jinvolvi pakkett ekwivalenti għal 200 miljun ewro – għall-finanzjament ta’ proġetti għall-immigrazzjoni li jibbażaw fuq il-Libja u li jinkorporaw diversi zoni tal-Afrika ta’ Fuq.

Parti kbira ta’ dawn il-flus x’aktarx li jkunu investiti fil-kontroll u s-sorveljanza tal-fruntieri. Dan bit-tama li l-awtoritajiet jikkontrollaw lill-immigranti li, x’aktarx ’il quddiem, jippruvaw jaqsmu l-Mediterran lejn l-Italja.

Intant, Mostafa Al-Barooni, li hu s-Sindku ta’ Zintan (waħda mill-akbar bliet fil-Libja) qal li l-proposti ta’ Federica Mogherini mhumiex aċċettabbli. Hu sostna li ‘mhix aċċettabbli jew ħaġa loġika li l-awtoritajiet Libjani jsolvu l-problema tal-Ewropa b’li jżommu lill-immigranti u r-refuġjati fil-Libja’.

Ibrahim Aribi, kunsillier tal-belt minn Tripli qabel ma’ Al-Barooni u, waqt kummenti lill-Euobserver, qal li ‘hi l-Unjoni Ewropea li trid iġġorr responsabbiltà għall-immigranti illegali’. Aribi kompla li l-Libjani ma jaqblux ma’ dawk il-pjani u li l-proposti għall-immigrazzjoni mill-UE qed jissugraw li joħolqu ‘problemi kbar għal-Libja.’

Ibrahim Aribi qal li s-sitwazzjoni għandha taqleb għall-agħar f’każ li r-refuġjati jibqgħu fil-Libja fost sitwazzjoni li żżommhom milli jivvjaġġaw ’il hinn minn dan il-pajjiż.

Il-Mexxejja tal-UE qalu, jiem ilu – huma u jiltaqgħu f’Malta — li ‘għandhom irażżnu lill-movimenti illegali ta’ immigranti (lejn il-pajjiżi tal-Unjoni) filwaqt li ‘jikkumbattu l-attivitajiet tat-traffikanti tal-bnedmin’. Madankollu, dawn il-mexxejja ma rriferewx għal impenji li jgħinu lin-nies biex isibu l-mezzi legali ħalli jfittxu l-ażil fl-Ewropa.