Internazzjonali

Suldati Torok maqtula fis-Sirja minn qawwiet Russi

Il-President tar-Russja Vladimir Putin bagħat il-kondoljanzi tiegħu wara li tliet suldati tat-Turkija nqatlu bi żball f’attakk mill-qawwiet tal-ajru Russi fit-Tramuntana tas-Sirja.

Is-suldati kienu qed jappoġġjaw lir-ribelli Sirjani fl-isforzi tagħhom biex jieħdu kontroll tal-belt ta’ Al-Bab li kienet qed tinżamm mit-terroristi tal-ISIS. Dan waqt l-offensiva tat-Turkija biex tkeċċi lill-ISIS u l-ġellieda Kurdi mill-fruntiera Torka lejn in-Nofsinar.

Ir-Russja u t-Turkija, li qed jappoġġjaw naħat opposti fil-konflitt tas-Sirja, fl-aħħar jiem attakkaw ‘flimkien’ lill-ISIS (fis-Sirja) bit-terroristi jsofru l-bumbardamenti mill-ajru.

Il-militar tat-Turkija, issa, qal li ajruplan militari tar-Russja kien qed jattakka bini qrib Al-Bab fejn kienu stazzjonati s-suldati Torok u meta r-Russi riedu jolqtu l-interessi tal-ISIS. Intant, it-tliet suldati Torok kellhom jispiċċaw vittmi ta’ hekk-imsejjaħ friendly fire, bi ħdax il-suldat ieħor jisfaw midruba fl-istess inċident.