Internazzjonali

Evitat ‘attakk imminenti’ fi Franza

L-awtoritajiet Franċizi rnexxielhom jevitaw attakk terroristiku ‘imminenti’, bl-arrest ta’ erba’ suspettati, fil-belt ta’ Montpellier. Is-suspettati – tliet irġiel u tfajla ta’ 16 il-sena – instabu bil-materjal għall-produzzjoni ta’ bombi waqt rejd fuq l-appartament tagħhom mill-pulizija anti-terroristika.

Fir-rejd instabu wkoll splussivi, ta’ tip mhux sofistikat u simili għal dawk li ntużaw waqt l-attakki storiċi mit-terroristi tal-ISIS f’Pariġi fit-13 ta’ Novembru tal-2015. L-attakki inkwistjoni kienu rriżultaw fil-qtil u feriment ta’ għexieren kbar ta’ nies.

Intant, xi rapporti qalu li t-tfajla arrestata kienet għamlet dikjarazzjonijiet ‘favur il-gwerra qaddisa Iżlamika (Jihad)’ fuq l-Internet. Din is-suspettata dehret diversi drabi fuq in-networks soċjali fejn qalet li hi ‘riedet titlaq lejn iz-zona tal-konflitt ( tal-Jihad) fis-Sirja u l-Iraq inkella twettaq xi attakk fi Franza proprja’.

Skont l-M6 Info – sit tal-aħbarijiet lokali – l-erba’ suspettati kienu qed jippjanaw attakk fuq sit tat-turisti f’Pariġi. Iżda sorsi qrib il-Pulizija Franċiża qalu li l-investigaturi, fil-fatt, ma ddeterminawx il-mira eżatta tas-suspettati terroristi.

Rapporti oħra, din id-darba mit-Turkija, qalu li l-pulizija lokali qed izommu erba’ persuni – ukoll suspettati bħala sostenituri tal-ISIS – li allegatament kienu qed jippjanaw ‘attakk sensazzjonali’ fil-pajjiż.

L-awtoritajiet li ħadu ħsieb l-arresti anki ħatfu numru ta’ ċinturini mimlijin bl-isplussivi ‘għall-attakki suwiċida’, flimkien ma’ azzarini u materjal ieħor. Ma ngħatawx dettalji tan-nazzjonalità tal-arrestati iżda s-sinjali kollha juru li huma kienu qed jimxu mad-direttivi minn ‘membri imlaħħqin tal-ISIS’ fis-Sirja.