Internazzjonali

Ħafna Ewropej ‘jaqblu ma’ Trump’

Stħarriġ ġdid wera li ‘il-maġġoranza tal-Ewropej’ għandhom jappoġġjaw projbizzjoni għall-immigrazzjoni mill-Istati ta’ maġġoranza Musulmana.
L-istħarriġ organizzat minn Chatham House (think tank ibbażat f’Londra) sar qabel tħabbret id-direttiva eżekuttiva tal-President Amerikan, Donald Trump, biex tinżamm l-immigrazzjoni lejn l-Istati Uniti minn seba’ pajjiżi Musulmani. L-istess stħarriġ, intant, jirrifletti l-fehma ta’ ’il fuq minn 10,000 persuna f’10 pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Kelliema għal Chatham House fissru bħala ‘ta’ tħassib’ dan l-istħarriġ fejn medja ta’ 55 fil-mija tal-Ewropej intervistati qablu li ‘għandha tieqaf l-immigrazzjoni mill-pajjiżi Musulmani’; b’20 fil-mija ma jaqblux u b’25 fil-mija ‘la jaqblu u lanqas ma jaqblux’.
L-istħarriġ wera ‘qbil’ fost 71 fil-mija tan-nies fil-Polonja; b’65 fil-mija jwieġbu l-istess fl-Awstrija. Qablu wkoll 64 fil-mija fil-Belġju u l-Ungerija u 61 fil-mija fi Franza. L-appoġġ ‘biex tinżamm l-immigrazzjoni’ kien għoli anki fil-Greċja (b’58 fil-mija); il-Ġermanja (53 fil-mija); l-Italja (51 fil-mija) u r-Renju Unit (47 fil-mija).