Fil-Belt Valletta saru c-ċelebrazzjonijiet annwali tal-festa nazzjonali ta’ San Pawl Nawfragu. L-10 ta’ Frar, huwa jum li fih pajjiżna jfakkar il-miġja tal-appostlu f’Malta – u kif il-gżejjer Maltin aċċettaw il-fidi nisranija 60 sena wara Kristu.
Il-Quddiesa Pontifikali li saret fil-Kolleġjata ta’ San Pawl Nawfragu, tmexxiet mill-Arcisqof Charles Scicluna, fejn għaliha attendew l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż fosthom il-President Marie Louise Coleiro Preca, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, is-Sindku tal-Belt Alexei Dingli, Ministri u Deputati Parlamentari. Attenda wkoll il-President Emeritus Eddie Fenech Adami.
F’messaġġ imqanqal, il-Kanonku Antoine Borg indirizza l-paniġierku lejn l-awtoritajiet tal-pajjiż. Hu tħaddet dwar il-pittura ewlenija ta’ Matteo Perez d’ Aleccio – fejn qabbel il-pittura tal-Assedju l-Kbir kontra l-Ottomani meta l-Maltin għelbu lill-għeddewa. Illum il-poplu Malti qiegħed jaffaċċja problemi oħra – fosthom il-mezzi tal-komunikazzjoni. Hu saħaq li dawn l-innovazzjonijiet juru realta’ virtwali, u għaldaqstant hi realta’ giddieba.
Matul il-paniġierku, il-Kanonku Borg indirizza lill-politiċi u qalilhom li huma jridu jagħtu kont lill-poplu Malti. Kompla billi enfasizza li l-festa ta’ San Pawl Nawfragu hi festa mhux biss tal-Beltin, iżda tal-poplu Malti kollu fuq skala nazzjonali. Il-Kanonku Antoine Borg semma’ wkoll valuri morali, fejn tkellem dwar il-valur tal-ħajja, u hawnhekk appella lill-folla preżenti biex jitkellmu pubblikament f’isem Kristu u jiddefendu l-ħajja. Temm il-paniġierku billi rringrazzja l-ġid li jagħmlu l-lajċi mal-anzjani, persuni b’vizzji abbużivi, mal-foqra, u diversi oqsma oħra tas-soċjeta’.
Net Television xandar live il-Festa ta’ San Pawl fil-Belt Valletta matul il-ġurnata kollha.
//= $special ?>