Lokali

Is-Soċjetà Ċivili mħassba dwar id-deċiżjoni ta’ Chris Cardona

Il-Ministru Chris Cardona akkumpanjat mill-Prim Ministru Joseph Muscat
Id-deċiżjoni tal-Ministru Chris Cardona li jiffriża l-assi tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia tkompli tqanqal kritika, din id-darba mis-Soċjetà Ċivili u mid-Dekan tal-Fakultà tal-Liġi, il-Professur Kevin Aquilina

Aktar kundanni għad-deċiżjoni tal-Ministru Chris Cardona li jiffirża l-assi tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, wara li din żvelat il-każ tal-burdell fil-Ġermanja.

Fi stqarrija, attivitsti mis-Soċjetà Ċivili appellaw lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex jieħu passi u jneħħi l-possibiltá tal-iffriżar tal-assi tal-ġurnalisti.

L-attivitisti tas-Soċjetà Ċivili, li jinkludu personalitajiet minn kull qasam tal-ħajja, qalu li dak li għamel Chris Cardona joħloq preċedent perikoluż ħafna kontra l-ġurnalisti, irrispettivament mit-twemmin tagħhom.

Appell simili sar mid-Dekan tal-Fakultà tal-Liġi l-Professur Kevin Aquilina f’kummenti mal-gazzetta Times of Malta.

“Miżura sproporzjonata” – Il-Professur Kevin Aquilina

Kevin Aquilina, meqjus bħala espert fil-liġi, qal li sekwestru ta’ dan it-tip fuq il-ġurnalisti għandhom ipprojbiti. Żied li sekwestri ta’ dan it-tip huma sproporzjonati f’soċjetà f’demokratiċi bbażati fuq id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali.

Il-Professur Kevin Aquilina żied li talba għall-iffriżar tal-assi tnizzel fil-ġurnalisti biża’ li l-għejxien tagħhom ikun attakkat jekk jagħmlu xogħlhom.