L-awtoritajiet lokali fi Tripli u bnadi oħra tal-Libja qegħdin iżidu r-reżistenza għall-pjani tal-Unjoni Ewropea biex trażżan l-immigrazzjoni lejn l-Italja.
Iċ-ċirkustanzi mistennija jikkumplikaw aktar l-isforzi, wara li l-kap tal-politika barranija tal-UE, Federica Mogherini, ħabbret pjan — li jinvolvi pakkett ekwivalenti għal 200 miljun ewro – għall-finanzjament ta’ proġetti għall-immigrazzjoni li jibbażaw fuq il-Libja u li jinkorporaw diversi zoni tal-Afrika ta’ Fuq.
Mostafa Al-Barooni, li hu s-Sindku ta’ Zintan qal li l-proposti ta’ Federica Mogherini mhumiex aċċettabbli.
Hu sostna li ‘mhix ħaġa loġika li l-awtoritajiet Libjani jsolvu l-problema tal-Ewropa billi jżommu lill-immigranti u r-refuġjati fil-Libja’.
Ibrahim Aribi, kunsillier tal-belt minn Tripli qabel ma’ Al-Barooni u, waqt kummenti lill-Euobserver, qal li ‘hi l-Unjoni Ewropea li trid iġġorr responsabbiltà għall-immigranti illegali’. Aribi kompla li l-Libjani ma jaqblux ma’ dawk il-pjani u li l-proposti għall-immigrazzjoni mill-UE qed jissugraw li joħolqu ‘problemi kbar għal-Libja.’
Ibrahim Aribi qal li s-sitwazzjoni għandha taqleb għall-agħar f’każ li r-refuġjati jibqgħu fil-Libja fost sitwazzjoni li żżommhom milli jivvjaġġaw ’il hinn minn dan il-pajjiż.
Sadattant, dan il-kunsillier u Mostafa Al-Barooni qalu li l-impenn għall-għajnuna lil-Libja għandu, minflok, jaħseb għat-tkattir tal-impjiegi filwaqt li jindirizza l-issues ta’ kuljum, fosthom management tal-iskart.