Lokali

Kundanna mill-Ewropa: Il-każ ta’ Chris Cardona għal quddiem il-Kunsill tal-Ewropa

L-attakk ta' Chris Cardona fuq il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia issa għal quddiem il-Kunsill tal-Ewropa wara talba mill-Federazzjoni Ewropea tal-Ġurnalisti

Il-Federazzjoni Ewropea tal-Ġurnalisti b’kundanna dwar Chris Cardona

Il-Federazzjoni Ewropea tal-Ġurnalisti ħarġet tikkundanna lil Chris Cardona u d-deċiżjoni tiegħu li jiffriża l-assi tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

F’ittra indirizzata lill-Membri Parlamentari Ewropej Maltin, il-Federazzjoni Ewropea tal-Ġurnalisti qalet li se tkun qed tressaq dan il-każ quddiem il-Kunsill tal-Ewropa. Dan peress li l-Kunsill tal-Ewropa għandu pjattaforma apposta li taħdem favur il-protezzjoni u s-sigurtà tal-ġurnalisti.

Il-Kunsill tal-Ewropa, m’għandux x’jaqsam mal-Unjoni Ewropa jew mal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea – u jiġbor fi ħdanu kważi 50 pajjiż minn madwar l-Ewropa. L-iskop tal-Kunsill tal-Ewropa hu li jiġġieled favur id-drittijiet tal-bniedem.

Il-Kunsill tal-Ewropa, m’għandux x’jaqsam mal-Unjoni Ewropa jew mal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea – u jiġbor fi ħdanu kważi 50 pajjiż minn madwar l-Ewropa. L-iskop tal-Kunsill tal-Ewropa hu li jiġġieled favur id-drittijiet tal-bniedem.

Fl-ittra, ffirmata mis-Segretarju Ġenerali tal-Federazzjoni Ewropea tal-Ġurnalisti Ricardo Gutierrez, jintqal li d-deċiżjoni tal-Ministru Malti Chris Cardona li jitlob l-iffriżar tal-assi tal-ġurnalista li kixfet il-każ tal-burdell se jħalli impatt kbir fuq il-libertà tal-istampa f’Malta.

“Il-Federazzjoni tqis dan il-każ bħala intimidazzjoni sfaċċata fuq il-libertà tal-istampa” tgħid l-ittra, li tkompli li l-azzjoni legali kontra l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia hija kompletament sproporzjonata.

Fl-ittra, Gutierrez jitlob ukoll lill-awtoritajiet Maltin biex b’mod immedjat, ineħħu l-iffriżar tal-assi tal-ġurnalista, u biex l-indipendenza tal-ġurnalisti f’Malta tkun protetta.

Ikkummenta