Lokali

Sai Mizzi se tkun għamlet nofs miljun ewro mit-taxxi tan-nies

Sai Mizzi - il-mara tal-Ministru Konrad Mizzi, fl-14 ta' Lulju 2015
Fost silenzju mill-Gvern dwar il-mod kif ġie mġedded il-kuntratt tal-mara tal-Ministru Konrad Mizzi, Sai Mizzi, jirriżulta li b'kollox se tkun qalgħet aktar minn nofs miljun ewro mit-taxxi tan-nies

Il-mara tal-Ministru Konrad Mizzi, Sai Mizzi, se tkun għamlet aktar minn nofs miljun ewro mit-taxxi tan-nies għal rwol fiċ-Ċina mqabbda mill-Gvern.

Il-ġurnal The Malta Independent irrapporta li l-entità tal-Gvern Malta Enterprise ikkonfermat li Sai Mizzi għadha qed titħallas bl-istess paga li kienet qed titħallas qabel, peress li baqgħet iċ-Ċina taħt l-istess kuntratt.

Ftit tal-jiem ilu, il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia żvelat li l-Gvern kien ġedded il-kuntratt tal-mara tal-Ministru bħla rappreżentant speċjali ta’ Malta b’paga ta’ €13,000 fix-xahar.

Għalkemm il-Malta Enterprise qed tgħid li l-kuntratt ġie mġedded, il-Gvern, wara li nkixef, qal li l-kuntratt kien estiż għal sitt xhur biss, sakemm tinstab persuna addattata għall-istess rwol. Suppost, il-kuntratt kellu jagħlaq f’Awwissu tas-sena li għaddiet.

Bil-paga ta’ €13,000 fix-xahar mit-taxxi tan-nies, sa’ Frar li ġej, Sai Mizzi se tkun qalgħet aktar minn nofs miljun ewro. Apparti l-paga, din is-somma tinkludi eluf kbar ta’ ewro f’kapriċċi għall-mara tal-Ministru.

Il-fatt li l-kuntratt ta’ Sai Mizzi ġie mġedded jikkonferma li l-Ministru Konrad Mizzi gideb meta fi Frar 2016 (dakinhar li ġie elett Deputat Mexxej Laburista) kien qal pubblikament li l-mara tiegħu ma kienx se jkollha l-kuntratt tagħha mġedded.