Qorti għall-appell federali fl-Istati Uniti ċaħdet it-tentattiv tal-President Amerikan Donald Trump biex jintroduċi mill-ġdid il-projbizzjoni għal ċittadini li ġejjin minn seba’ pajjiżi Musulmani.
Din il-qorti, intant, qalet li mgħandhiex tiffriża l-verdett oriġinali mill-qorti ta’ Seattle li kienet waqqfet id-direttiva eżekuttiva partikulari tal-President.
Min-naħa tiegħu, Donald Trump wieġeb b’messaġġ irrabjat fuq Twitter fis-sens li ‘l-iżviluppi qed jikkostitwixxu theddida għas-sigurtà nazzjonali’ u li għandu jkun hemm ‘xorta’ sfida legali. Fl-istess ħin mhux ċar jekk il-President Trump hux qed jaħseb biex iressaq appell lill-Qorti Suprema inkella jekk għadux determinat li jkompli jiġġieled il-każ f’Seattle.
Il-verdett unanimu mill-qorti għall-appell federali sostna li l-Gvern Amerikan ma preżentax il-provi konvinċenti li ‘it-theddida tat-terrur tiġġustifika l-implimentazzjoni (mill-ġdid) tal-projbizzjoni għall-ivvjaġġar ta’ barranin’ mis-seba’ pajjiżi indikati – l-Iran, l-Iraq, il-Libja, is-Somalja, il-Jemen, is-Sirja u s-Sudan – lejn l-Istati Uniti.
Dan ifisser li ċ-ċittadini minn dawn is-seba’ pajjiżi li għandhom il-visa jistgħu jkomplu jidħlu fl-Istati Uniti. Sadanittant, ir-refuġjati minn madwar id-dinja – li wkoll kienu suġġetti għal projbizzjoni temporanja – m’għadhomx miżmuma milli jidħlu fl-artijiet tal-Amerikani.
//= $special ?>