Lokali

FILMAT: Jiżbgħu l-bankina ta’ quddiem il-każin Laburista bl-aħmar

F'Raħal Ġdid intefqu madwar €400 biex inżebgħet bankina ħamra quddiem il-każin Laburista. Imma l-bankina trid terġa' tinqala' minħabba l-proġett tal-pjazza ta' Raħal Ġdid. Sadanittant, ħafna qed igergru minħabba l-istat diżastruż ta' bankini u toroq oħra fl-istess lokalità

Din il-bankina m’hijix mibnija b’ġebel ħamrani. Din il-bankina, li tinsab quddiem il-każin Laburista ta’ Raħal Ġdid, inżebgħet bl-aħmar appost peress li l-Ħadd, Joseph Muscat se jkun qed jagħmel diskors politiku minn hemmek.

Informazzjoni li għandu NET News tindika li l-Kunsillieri Laburisti ta’ Raħal Ġdid iddeċidew minn jeddhom li jiżbgħu il-bankina ħamra u dan mingħajr approvazzjoni tal-Kunsillieri kollha, fosthom il-Kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista.

NET News jinsab infurmat li x-xogħol biex inżebgħet il-bankina quddiem il-każin Laburista sewa lill-Kunsill madwar €400, u li minkejja li sar ix-xogħol, il-bankina se jkollha terġa’ tinqala’ minħabba l-proġett tal-pjazza ta’ Raħal Ġdid.

Imma s-Sindku Laburista ta’ Raħal Ġdid Dominic Grima ġġustifika x-xogħol li sar, u qal li għalkemm il-proġett għadu ma bediex, il-Kunsill huwa fid-dover li jagħmel manutenzjoni.

Madanakollu, fl-istess waqt li ntefqu l-flus biex il-bankina ta’ quddiem il-każin Laburista tinżebgħa ħamra apposta minħabba ż-żjara ta’ Joseph Muscat, ħafna toroq u bankini oħra fl-akwata jinsabu fi stat diżastruż, u ilhom hekk snin twal.

Dan qed iwassal biex ħafna residenti, anke Laburisti stess, jnsabu urtati u ddiżappuntati bil-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid, li fi kliemhom, jippreferi jaħli l-flus fuq bankina quddiem il-każin Laburista minflok fuq bankini u toroq li ilhom snin twal abbandunati.