Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Antonio Guterres, qal li hu ‘determinat’ biex jagħmel l-aħjar li jista’ ħalli jiffaċilita ftehim għar-reunifikazzjoni tal-gżira ta’ Ċipru. Dan meta din il-gżira-Stat ilha mill-1974 maqsuma f’entitajiet ta’ (Ċiprijotti) Griegi u Torok. Sadanittant, Guterres qal li ‘la hu ottimist u lanqas pessimist’ dwar is-suċċess tal-impenn.
Antonio Guterres iltaqa’ mal-Prim Ministru tat-Turkija, Binali Yildirim, f’Istanbul, għal taħditiet immirati biex jixprunaw il-progress fit-tentattivi lejn ftehim għal Ċipru. Dan meta l-istess Guterres (li qed iħejji biex iżur ħames pajjiżi Għarab) ammetta li n-Nazzjonijiet Uniti mhumiex jaqdu r-rwol ta’ protagonista fl-isforzi lejn soluzzjoni tal-problema ‘Ċipru’.
Aktar kmieni fix-xahar, il-Mexxejja ta’ Ċipru kienu talbu lin-Nazzjonijiet Uniti biex tħejji konferenza internazzjonali ġdida dwar l-arranġamenti tas-sigurtà għal gżira ta’ Ċipru reunifikata. Il-ħsieb kien li l-konferenza ssir f’Marzu, bil-parteċipazzjoni tal-potenzi li jiggarantixxu l-impenn u rieda tajba minn kull naħa.
Il-Greċja, it-Turkija u r-Renju Unit – b’talaħħar ikun l-eks potenza kolonjalista ta’ Ċipru — huma l-potenzi li jipprovdu garanzija għal stabbilità taħt ftehim tal-1960 li jagħtihom id-dritt biex jintervjenu ħalli jiddefendu lill-integrità sovrana ta’ dik il-gżira-Stat.
//= $special ?>