Folol kbar ta’ nies f’diversi bliet tal-Ġermanja qed jipprotestaw kontra d-deportazzjonijiet ta’ barranin mill-pajjiż, fejn fost oħrajn spikkaw dimostrazzjonijiet fiz-zoni prinċipali ta’ Berlin, Hamburg, Wiesbaden u Dusseldorf.
Il-Gvern Ġermaniż, fl-aħħar jiem, beda jiddeporta r-refuġjati tal-gwerra Afgani, iżda xi Stati tal-Ġermanja, issa, qed jikkunsidraw li ma jkomplux jiddeportaw persuni lura lejn iz-zona tal-gwerra fl-Afganistan.
Attivisti minn Hamburg sejħu biex tieqaf il-politika ‘inumana’ tad-deportazzjonijiet meta l-Afganistan ma jistax jitqies bħala pajjiż li jiggarantixxi s-sigurtà. Dawn l-attivisti u oħrajn madwar il-Ġermanja semmgħu leħinhom ukoll kontra ‘il-politika għall-iżolament ta’ persuni’ u wasslu l-messaġġ li ‘kulħadd ħaqqu jgħix fil-paċi u s-sigurtà’.
F’Dusseldorf, folol ta’ attivisti qed jimxu lejn iz-zona tal-Parlament (tal-Istat) ta’ Nordrhine-Westphalia, biex jinsistu għat-tmiem tad-deportazzjonijiet ta’ refuġjati lejn l-Afganistan u biex ‘il-messaġġ jasal lil Stati oħrajn tal-Ġermanja ħalli huma wkoll iwaqqfu din il-politika.’
Sadanittant, il-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, nhar it-Tlieta se jkollha taħditiet, f’Berlin, mal-Prim Ministru tat-Tuneżija, Youssef Chahed. Huma mistennija jiffirmaw ftehim li, permezz tiegħu, il-Ġermanja tkun tista’ tiddeporta lill-immigranti.
Merkel illum tidher qed titbiegħed mill-politika ‘tal-bibien miftuħa’ oriġinali dwar ir-refuġjati, fost it-tħejjijiet għal pjan biex jitħaffu d-deportazzjonijiet ta’ immigranti u refuġjati li ma jintlaqgħulhomx l-appelli għal ażil fil-Ġermanja.
//= $special ?>