Internazzjonali

L-ISTATI UNITI: Trump jikkunsidra projbizzjoni ġdida għall-ivvjaġġar

Il-President Amerikan, Donald Trump, qed jikkunsidra li joħroġ direttiva eżekuttiva oħra biex jipprojbixxi ċ-ċittadini ta’ ċerti pajjiżi milli jivvjaġġaw lejn l-Istati Uniti. Dan wara li l-isforzi inizjali tiegħu għal dan il-għan kienu ffriżati mill-qrati.

Trump informa lill-ġurnalisti li kienu qed jivvjaġġaw miegħu fuq Air Force One – l-ajruplan tal-President tal-Istati Uniti – li ‘direttiva ġdida tista’ tingħata mit-Tnejn (għada),’ wara li l-qorti tal-appell f’San Francisco kkonfermat digriet preċedenti mill-qorti għas-sospensjoni tad-direttiva oriġinali tal-President.

Id-direttiva oriġinali ta’ Donald Trump kellha tipprojbixxi ċittadini minn seba’ pajjiżi – l-Iraq, l-Iran, il-Libja, is-Sirja, is-Somalja, is-Sudan u l-Jemen – milli jidħlu fl-artijiet tal-Istati Uniti.

Intant, ma kienx ċar x’messaġġ għandu jasal mid-direttiva ġdida dwar l-immigrazzjoni meta Trump ma pprovdiex id-dettalji ta’ kwalunkwe projbizzjoni ġdida taħt kunsiderazzjoni. Madankollu hu qal li mgħandhomx isiru bidliet kbar għad-direttiva oriġinali.

Il-Gvern ta’ Trump jista’ xorta waħda jinsisti bil-każ tiegħu fil-qrati wara li d-direttiva oriġinali kienet twaqqfet ġimgħa ilu minn Imħallef f’Seattle. Fil-fatt, il-President Amerikan qal li għandu diversi għażliet miftuħin quddiemu waqt li hu ‘fiduċjuż’ li jirbaħ il-battalja legali.

Donald Trump għadu qed jinsisti li dik id-direttiva eżekuttiva hi waħda kruċjali meta wiegħed ‘azzjoni mill-aktar fis għal miżuri tas-sigurtà addizzjonali’. Dan waqt li l-avukati fl-Istat ta’ Virginia argumentaw, fil-qorti, li l-politika ta’ Trump tirriżulta minn ‘sens ta’ ostilità kontra l-Musulmani’.