Lokali

Appell lill-Prim Ministru biex jeħles 9 persuni mid-detenzjoni

Ċentru ta' detenzjoni f'Malta
15-il NGO qed jinsistu li d-detenzjoni ta' 9 immigranti mill-Mali hija illegali u tmur kontra l-liġi ta' Malta u tal-Unjoni Ewropea

Il-mod kif disa’ persuni mill-Mali għadhom qed jinżammu taħt detenzjoni huwa illegali u għaldaqstant, il-Gvern għandu jtihom il-libertà minnufih.

F’ittra miftuħa lill-Prim Ministru Joseph Muscat, 15-il NGO fakkru li dawn id-disa’ persuni ilhom f’detenzjoni minn Novembru li għadda, u saħqu li filwaqt li jirrikonoxxu li l-Istat għandu dritt jibgħat lura lill-immigranti li ma jkollhomx permess jibqgħu, dan għandu jsir b’mod li jirrispetta d-dinjità fundamentali ta’ kull individwu.

Għalkemm dawn id-disa’ persuni ma kienux ingħataw status ta’ refuġjati mal-wasla tagħhom f’Malta, xorta waħda kienu ngħataw protezzjoni umanitarja temporanja – sakemm f’Novembru li għadda ġew detenuti ħabta u sabta meta marru biex iġeddu l-protezzjoni temporanja.

Dawn id-disa’ persuni kienu ġew identifikati bħala ċittadini tal-Mali, iżda xahrejn wara żjara ta’ delegazzjoni mill-Mali, dan il-pajjiż għadu ma ħejjiex id-dokumenti neċessarji għar-ripatrijazzjoni. Għaldaqstant, skont dawn l-NGOs, għalissa jidher li hu impossibbli li dawn il-persuni jintbgħatu lura.

Imma ħmistax-il NGO Maltin qed jgħidu li l-Gvern ikun qed imur kontra l-liġijiet ta’ Malta u tal-Unjoni Ewropea meta jżommhom f’detenzjoni. Ladarba l-immigranti kkonċernati dejjem kienu onesti u obdew il-liġi, il-Gvern m’għandux iżommhom f’detenzjoni. Aktar u aktar meta l-istess immigranti ma jistgħux jintbgħatu lura l-Mali minħabba ostaklu legali – jiġifieri n-nuqqas tal-Mali li jipprovdi d-dokumenti neċessarji.

Uħud mill-immigranti kkonċernati ilhom jgħixu Malta aktar minn għaxar snin, li matulhom dejjem obdew il-liġi – bl-għaqdiet jgħidu li dawn il-persuni m’għamlu xejn biex ikun ħaqqhom dan it-tip ta’ trattament.