Lokali

The Times tgħid li r-responsabbiltà tal-każ tal-iffriżar tal-assi fuq spallejn il-Prim Ministru

L-editorjal ta' The Sunday Times (12/02/2017)
L-editorjal ta' The Sunday Times of Malta jgħid li l-każ tal-iffriżar tal-assi m'għadux kwistjoni bejn Chris Cardona u Daphne Caruana Galizia, iżda sar kwistjoni ta' importanza nazzjonali minħabba t-theddida għad-demokrazija

L-iffriżar tal-assi tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia mill-Ministru Chris Cardona hi kwistjoni ta’ importanza nazzjonali, u issa l-ballun jinsab f’saqajn il-Prim Ministru Joseph Muscat.

Kien dan il-messaġġ tal-editorjal tal-gazzetta The Sunday Times of Malta, fejn intqal li din il-kwistjoni m’għadiex kwistjoni bejn Chris Cardona u Daphne Caruana Galizia, iżda saret kwistjoni politika u nazzjonali tal-akbar importanza.

The Times tgħid li għalkemm Chris Cardona iffriża l-assi tal-ġurnalista skont dak li ttih il-liġi, dan xorta waħda kien pass prematur u abbuż ta’ poter fejn il-Ministru naqas li jara l-kuntest aktar wiegħsa ta’ demokrazija, fejn il-ġurnalisti għandhom ikunu jistgħu joperaw b’mod ħieles biex iżommu lil dawk fil-poter kontabbli. Bl-editorjal iżid li jekk oħrajn jagħmlu bħal ma għamel Chris Cardona, l-irwol tal-media bħala ‘watchdog’ jispiċċa.

L-editorjal jgħid li Chris Cardona għamel użu minn liġi li possibilment tikser il-Kostituzzjoni u għaldaqstant, jekk il-Prim Ministru Joseph Muscat irid juri kemm hu demokratiku, għandu jammetti li sar żball, jagħti struzzjonijiet lil Chris Cardona biex jirtira u jbiddel il-liġi.

The Times tgħid li bi Gvern fejn l-irregolaritajiet u n-nuqqas ta’ trasparenza saru l-ordni tal-ġurnata b’theddida għd-demokrazija, il-ballun issa jinsab f’saqajn il-Prim Ministru.