Lokali Qorti

Il-media Laburista mitluba tħallas €3,000 lil Beppe Fenech Adami

Il-Qorti dalgħodu ordnat lill-istazzjon tal-Partit Laburista jħallas €3,000 f’danni lill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami wara li rebaħ libell dwar storja b’rabta mad-dar tiegħu.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Maġistrati ddikjarat li l-kampanja sistematika tal-Partit Laburista fuq Beppe Fenech Adami dwar id-dar privata tiegħu fil-Għargħur kienet waħda libelluża u malafamanti, intiża biss biex tkisser ir-reputazzjoni tiegħu.

Il-Qorti ddikjarat li mhux minnu li Beppe Fenech Adami bena d-dar tiegħu fuq għalqa ODZ minflok żewġt ikmamar. Il-Qorti qalet li Fenech Adami xtara dar lesta, li nbniet mis-sidien preċedenti fis-snin tmenin, fi żmien Gvern Laburista.

Il-Qorti qalet ukoll li l-permess tas-‘swimming pool’ inħareġ lura fl-1998, skont ir-regoli ta’ dakinhar, bl-applikazzjoni kienet saret fi żmien Gvern Laburista. Barra minhekk, il-Qorti qalet ukoll li mhux minnu li kien hemm indħil politiku biex fl-2008 ingħata permess ħalli jtella’ t-tielet sular.

Dan hekk kif il-permess inħareġ skont ir-regoli li kien hemm għal kulħadd, tant li fil- Għargħur stess hemm numru kbir ta’ permessi simili għal ta’ Beppe Fenech Adami. Il-Qorti ddeċidiet ukoll li hi gidba li l-ġnien ta’ Beppe Fenech Adami ma baqax ODZ u jista’ jinbena.

Il-Qorti qalet li x-xandiriet imtella’ mill-media Laburista fil-15 u s-16 ta’ Marzu 2016, inkluż l-intervista ma’ Ian Castaldi Paris, kienu intiżi unikament biex jillibellaw u jimmalafamaw lill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista.