Il-Ħadd li ġej il-poplu Malti u Għawdxi se jinżel fit-toroq tal-Belt għal dimostrazzjoni nazzjonali kontra l-korruzzjoni, il-gideb u t-theddid li kkaratterizzaw tliet snin ta’ Gvern Laburista, ilkoll flimkien f’għajta favur demokrazija u libertà. Qal dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt li ndirizza lill-attivisti tal-partit f’attività politika li saret it-Tnejn filgħaxija.
Dimostrazzjoni li torbot fuq l-attività favur id-demokrazija u l-libertà tal-espressjoni li saret il-Ħadd li għadda, fejn folla nġabret f’Tas-Sliema u wasslet messaġġ li l-poplu mill-ġdid irid ikun kburi li aħna Maltin.
Simon Busuttil qal li l-poplu dalwaqt irid jagħżel jekk iridx jibda jgħix ħajja normali mill-ġdid jew jagħżel li pajjiżna jkompli dieħel fl-isqaq li diġa jinsab fih.
Iddeskriva lill-Gvern Laburista bħala wieħed korrott imma wkoll giddieb b’Joseph Muscat li għandu strateġija ċara fejn waqt li l-Gvern ikun mifni minn skandlu wara l-ieħor, jaqbdu t-tajn u jbaddbuh lejn il-Partit Nazzjonalista u nies li jagħmlu parti minnu.
Sadattant il-Partit Nazzjonalista kompla jaħdem, bl-Oppożizzjoni tressaq abbozz ta’ liġi privat biex titneħħa t-theddida tas-sekwestru lill-ġurnalisti.
Għaliex fi kliem Simon Busuttil, minkejja li quddiem il-cameras il-Prim Ministru joffrulek id ta’ ħbiberija, f’idejn il-membri tal-Gvern issib mannara lesta biex tintuża kontra kull min jazzarda jiftaħ ħalqu.
Hu għalhekk li quddiem Gvern li jikser drittijiet fundamentali, juża politika tal-mannara u jmexxi l-iktar Gvern korrott fl-istorja ta’ pajjiżna, il-poplu Malti, nhar il-Ħadd fit-tlieta ta’ wara nofsinhar, se jagħti mill-ġdid messaġġ ċar favur id-demokrazija.
//= $special ?>