Lokali

Simon Busuttil b’diskors ta’ politiku li l-poplu kien ilu ma jisma’ – The Malta Independent

Id-diskors li għamel il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt l-attività tal-bieraħ f’Tas-Sliema favur id-demokrazija u l-libertà laqat mhux biss lil dawk li attendew, iżda wkoll qed ikun meqjus bħala diskors ta’ politiku li l-poplu kien ilu ma jisma’.

Id-diskors sar fi żmien meta l-poplu jista’ jibda jemmen aktar minn qatt qabel li l-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Simon Busuttil jista’ verament jasal biex jirbaħ l-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Dan ingħad fl-Editorjal tal-ġurnal The Malta Independent, li saħansitra qabbel l-istil li bih tkellem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista mal-istil li bih kien jindirizza lill-poplu l-eks Kap tal-istess Partit Eddie Fenech Adami, li anke fi żmien meta dan kien Kap tal-Oppożizzjoni, pajjiżna kien qed jaffaċċja theddid għad-demokrazija u l-libertà.

L-Editorjal kompla li dan kien wieħed mill-aqwa diskorsi ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista fl-aħħar 13-il sena. Jingħad ukoll li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista jrid jibqa’ miexi f’din it-triq biex jappella mhux biss lin-Nazzjonalisti, biex b’hekk ikun Kap tan-Nies u mhux tan-Nazzjonalisti biss.

L-Editorjal qal li jekk l-elezzjoni ssir fi żmien sena oħra, kif ta x’jifhem il-Prim Ministru, allura Simon Busuttil għandu aktar ċans ikompli jitla’ t-telgħa li twasslu għar-rebħa.