Il-kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil ltaqa’ mar-rappreżentanti tal-ħaddiema tal-Air Malta ftit jiem wara li tħabbar li l-Gvern falla fin-negozjati tiegħu biex ibiegħ il-linja nazzjonali tal-ajru.
Simon Busuttil qal li l-Air Malta hi wisq importanti biex nippermettu li din tfalli, u appella lill-imsieħba soċjali kollha biex jingħaqdu flimkien għall-ġid tal-ħaddiema.
Qal li għalkemm jeżistu opinjonijiet differenti dwar kif wieħed jista’ jsalva lill-Air Malta, l-iktar ħaġa bażika trid tibqa’ li din il-kumpanija tant importanti għal Malta ma titħalliex tfalli.
Madankollu esprima t-tħassib tiegħu anke għall-fatt li l-Oppożizzjoni ma ngħatat l-ebda informazzjoni uffiċjali dwar dak li qed iseħħ fl-Air Malta – xi ħaġa li hi komuni għal ħafna unions oħra li jirrappreżentaw lill-ħaddiema tal-Air Malta.
Jakkumpanjaw lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista x-Shadow tal-Ekonomija Claudio Grech, li ta preżentazzjoni bit-tema li l-Air Malta tista’ timxi ‘l quddiem biss b’iktar investiment, kif ukoll il-Kelliema Ċnesu Galea, Clyde Puli u Antoine Borg.
Preżenti wkoll il-kandidati għall-elezzjoni ġenerali, John Baptist Camilleri u Anne Marie Muscat Fenech Adami.
//= $special ?>