Waqt laqgħa mal-Ombudsman Anthony C. Mifsud, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil saħaq dwar l-importanza li tkun rispettata l-awtonomija tal-istituzzjonijiet u qal li l-Uffiċċju tal-Ombudsman hu uffiċċju li wieħed għandu jħares lejh bħala mudell.
Il-laqgħa saret fl-Uffiċċju tal-Ombudsman fil-Belt u din kienet l-ewwel żjara li Simon Busuttil għamel lil Anthony C. Mifsud fil-kariga tiegħu bħala Ombudsman.
F’diskors ta’ introduzzjoni Simon Busuttil saħaq dwar l-importanza tal-istituzzjoni tal-Ombudsman, filwaqt li esprima t-tħassib tiegħu li fl-aħħar ftit snin tnawwret l-awtonomija u l-indipendenza ta’ din l-istituzzjoni u oħrajn.
Min-naħa tiegħu l-Ombudsman qal li dalwaqt jagħlaq sena fil-kariga u għandu sfida biex ilaħħaq max-xogħol li għamlu ż-żewġ Ombudsmen ta’ qablu: Joe Sammut u l-Prim Imħallef Joseph Said Pullicino.
Anthony C. Mifsud qal li l-Uffiċċju tal-Ombudsman għandu sfidi ġodda quddiemu għax qed ikollu talbiet ukoll minn barranin li jgħixu f’Malta, mis-settur tal-‘gaming’, kif ukoll talbiet dwar iċ-Ċittadinanza u dwar Identity Malta, li huma oqsma ġodda u aktar ikkumplikati.
Qal li x-xogħol tagħhom jiddependi ħafna mill-koperazzjoni li jsibu mid-Dipartimenti u l-Korporazzjonijiet tal-Gvern.
//= $special ?>