Lokali

Brian Tonna u Karl Cini ta’ Nexia BT jirrifjutaw li jmorru jixhdu

Brian Tonna u Karl Cini ta' Nexia BT

Brian Tonna u Karl Cini rrifjutaw li jidhru quddiem il-kumitat tal-Parlament li qed jinvestiga l-iskandlu tal-Panama.Dan joħroġ minn dokumenti tal-Kumitat PANA – li qed jinvestiga dan l-iskandlu. Dawn id-dokumenti kienu kkwotati wkoll miċ-Chairperson tal-Alternattiva Demokratiak Arnold Cassola fuq Facebook.

Brin Tonna u Karl Cini huma imsieħba fil-kumpanija Nexia BT, jiġifieri l-kumpanija li tat struzzjonijiet biex jinfetħu l-kumpaniji sigrieti fil-Panama f’isem il-Ministru Konrad Mizzi, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, u f’isem it-tielet persuna li sa issa għad mhix magħrufa.

Kien fl-14 ta’ Marzu 2013, jiġifieri ħamest ijiem wara li l-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni, li ntbgħatet e-mail mingħand Karl Cini lil Mossack Fonseca fil-Panama li fiha kiteb: “meta tkun tista’, jekk jogħġbok, ibgħatli dettalji biex titwaqqaf kumpanija fil-Panama, u possibilment ‘trust'”.

Wara dik l-email u sensiela ta’ korrispondenz oħra, infetħu tliet kumpaniji: ‘Hearnville’ ta’ Konrad Mizzi, ‘Tillgate’ ta’ Keith Schembri u ‘Egrant’ li s-sid tagħha għad mhux magħruf. Mistoqsija li sal-lum għadha qed ssir.

Nhar il-Ħadd li għadda waqt attivitià politika f’Tas-Sliema, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil staqsa lill-Prim Ministru Joseph Muscat ta’ min hi l-kumpanija ‘Egrant’ u staqsa wkoll għaliex il-Prim Ministru, fil-Parlament, infexx f’tgħajjir personali fil-konfront tiegħu meta l-Kap tal-Oppożizzjoni għamel din il-mistoqsija fil-Parlament.

Brian Tonna, min-naħa l-oħra, kien involut fil-ftuħ tal-kumpanija sigrieta taċ-Ċiniż li nnegozja l-bejgħ tal-Enamalta. Skont rapporti fil-media, Brian Tonna saħansitra jopera minn Kastilja stess.

L-iskandlu tal-Panama kien wassal biex il-Parlament Ewropew beda jinvestiga permezz tal-kumitat PANA. Filwaqt li Karl Cini u Brian Tonna irrifjutaw li jmorru jidhru quddiemu, għad mhux magħruf jekk Konrad Mizzi hux se jkun qed jaċċetta li jmur.

https://www.facebook.com/arnold.cassola/posts/10155072076406584

Ir-rabta bejn Nexia BT u Mossack Fonseca

F’Malta, il-kumpanija Mossack Fonseca kienet twaqqfet taħt l-isem ‘Mossack Fonseca & Co (Malta) Ltd’. 50% tal-ishma kienu propjeta’ ta’ Mossack Fonseca filwaqt li l-50% l-ohra tal-ishma kienu f’idejn il-kumpanija ‘BT International Ltd’, li s-sid taghha huwa Brian Tonna.

Brian Tonna huwa wkoll is-sid ta’ Nexia BT, il-kumpanija li tat is-servizzi ta’ konsulenza lil Konrad Mizzi biex aktar tard fetah il-kumpanija sigrieta fil-Panama. L-ufficini ta’ Mossack Fonseca (Malta) u l-ufficini ta’ Nexia BT kienu jinsabu fl-istess blokk bini fis-Swatar.

Fil-jiem li għaddew, id-Direttur ta’ Mossack Fonseca (Panama) ġew arrestati fuq akkużi li kienu qed imexxu entità kriminali.