Internazzjonali

Davis: Ma jistenniex li jattivaw il-Brexit waqt is-summit tal-UE

Il-Ministru Britanniku responsabbli mill-proċess tal-Brexit, David Davis, qal li l-Gvern tar-Renju Unit se jirrispetta d-deadline – stabbilit għall-aħħar ta’ Marzu – biex jattiva l-proċedura formali ħalli ma jiffurmax aktar parti mill-Unjoni Ewropea.

Madankollu, Davis ‘ma jarax xenarju’ fejn ir-Renju Unit jattiva Artiklu 50 tat-Trattat ta’ Lisbona (għall-bidu formali tal-Brexit) waqt is-summit tal-UE li jsir fi Brussell bejn id-9 u l-10 ta’ Marzu.

L-Uffiċjali tal-UE huma ansjużi li jsiru jafu meta l-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, għandha tattiva Artiklu 50 u tiftaħ għall-aktar taħditiet ikkumplikati għall-futur tal-Britanniċi mit-Tieni Gwerra Dinjija ‘il hawn. Dan meta l-proċess tal-Brexit hu intiż li jikkonkludi l-isħubija Britannika fil-grupp tal-pajjiżi Ewropej li ilha għal 40 sena.

David Davis għadda l-aħħar kummenti tiegħu fi Stokkolma, fl-Iżvezja, u fejn wieġeb għad-domandi speċifiċi dwar jekk jistenniex li Theresa May tippreżenta l-ittra ‘għall-Artiklu 50’ waqt is-summit li jmiss tal-UE fi Brussell.

Dan wara li sezzjonijiet tal-istampa Britannika qalu li d-dati partikulari (id-9 u l-10 ta’ Marzu) kienu taħt kunsiderazzjoni fil-każ tal-Brexit ‘biex l-affarijiet ma’ jaħbtux’ mal-attivitajiet tas-summit għas-27 Stati l-oħra tal-UE li hu programmat għall-25 ta’ Marzu biex jiċċelebra s-60 anniversarju tal-Unjoni.

Min-naħa tiegħu, Davis qal li ‘id-9 u l-10 ta’ Marzu mhumiex dati li hu jirrikonixxi f’termini tal-programm għall-Brexit’. Hu, sadanittant, irrepeta l-messaġġ li r-Renju Unit ‘se jattiva l-Artiklu 50 sal-aħħar ta’ Marzu’.

Il-Ministru Britanniku hu anki fiduċjuż li l-leġislazzjoni meħtieġa għal May biex tattiva Artiklu 50 se tgħaddi mill-kamra ta’ fuq tal-Parlament tar-Renju Unit ‘fi żmien ideali qabel l-aħħar tax-xahar id-dieħel’.

Aktar kmieni dan ix-xahar, il-kamra t’isfel tal-Parlament ta’ Londra għadda l-abbozz għall-Brexit, bl-istess abbozz, issa, jinsab quddiem il-House of Lords fejn uħud mill-membri (li mhumiex eletti) qalu li għandhom jiffissaw ‘kundizzjonijiet’ li kapaċi jtawwlu l-programm tal-Gvern Britanniku.