Lokali

Disat irġiel meħlusa mid-detenzjoni

Ritratti meħud waqt protesta mill-immigranti (arkivji)
Disat irġiel meħlusa minn detenzjoni li ħafna kienu qed jikkunsidraw bħala detenzjoni illegali, bil-Gvern jinsisti li dawn il-persuni jiġu deportati

9 persuni li kienu qed jingħataw protezzjoni umanitarja temporanja, inħelsu wara tliet xhur f’detenzjoni li ħafna ddeskrivew bħala detenzjoni illegali.

Dan tħabbar mill-Ministru Carmelo Abela waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha kkonferma li l-irġiel xorta waħda se jkunu deportati lejn il-Mali ladarba d-dokumenti neċessarji jaslu minn dak il-pajjiż.

L-irġiel involuti huma parti minn grupp akbar ta’ 33 persuna li kienu ġew detenuti madwar tliet xhur ilu. Kollha kellhom protezzjoni umanitarja, imma lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet kienu ġew detenuti ħabta u sabta meta marru biex iġeddu l-protezzjoni umanitarja.

In-nuqqas ta’ konferma li l-persuni kollha kienu mill-Mali wassal biex l-irġiel kienu bdew jinħelsu ftit ftit sakemm kien fadal biss disa’ rġiel, li issa nħelsu wkoll mid-detenzjoni.

L-irġiel konċernati ma ngħatawx status ta’ refuġjati imma xorta kienu qed jingħataw protezzjoni umanitarja, b’uħud li ilhom jgħixu Malta snin twal, bejn sentejn u għaxar snin.

Filfatt, filwaqt li l-Gvern qed jgħid li se jiddeporta lil dawn id-disat rġiel, fil-bidu ta’ Jannar li għadda kien tħabbar li l-grupp fetaħ kawża kostituzzjonali biex ma jiġux deportati.

Numru ta’ NGOs innutaw li l-irġiel immarkati, matul is-snin tagħhom jgħixu Malta, dejjem obdew il-liġi u qatt m’għamlu xejn illegali. Apparti minn hekk, huma kienu ġew arrestati b’mod arbitrarju meta dawn obdew ir-regoli u marru jġeddu l-protezzjoni umanitarja.

Intant, 15-il NGO esprimew sodisfazzjoni li l-irġiel li kien fadal f’detenzjoni ġew meħlusa.