Lokali

“Ebda intimidazzjoni mhi se twaqqaf lill-Partit Nazzjonalista” – il-PN

Il-Ministru Chris Cardona
Il-Kap tal-Aħbarijiet ta' Media.Link Communications jgħid li x-xhieda li se titressaq fil-Qorti se tikkonferma kemm Chris Cardona qed jigdeb, waqt li l-Partit Nazzjonalista b'stqarrija li ebda intimidazzjoni mhi se twaqqfu

Il-Partit Nazzjonalista mhux se jkun intimidat. Dikjarazzjoni mill-Partit Nazzjonalista wara libelli li fetaħ id-Deputy Leader ta’ Joseph Muscat kontra l-media tal-Partit Nazzjonalista.

Libelli li l-Partit Nazzjonalista ddeskriva bħala “intimidazzjoni minn bniedem li l-unika triq li baqagħlu biex jibqa’ fejn hu hija li jigdeb u jagħlaq ħalq lil min kixfu”.

Dwar il-libelli tad-Deputy Leader ta’ Muscat tkellem ukoll il-Kap tal-Aħbarijiet ta’ Media.Link Communications Fabian Demicoli, li insista li l-fatti huma ċari u Cardona ma jistax imerihom, b’Demicoli jżid li Chris Cardona jeħtieġ jirrealizza li l-media u l-ġurnalisti għandhom mhux biss dritt iżda dmir li jikxfu l-korruzzjoni, l-gideb u l-qerq tal-Gvern.

Filwaqt li żied li ebda libell m’hu se jwaqqaf lill-Kamra tal-Aħbarijiet minn xogħla, Fabian Demicoli saħaq li Media.link Communications ma qagħditx biss fuq allegazzjonijiet u rapporti fuq media oħra, iżda marret tinvestiga direttament dawn l-allegazzjonijiet, u għaldaqstant, se tkun qed ittella’ x-xhieda tagħha u l-provi kollha fil-Qorti biex tikkonferma kemm Chris Cardona qiegħed jigdeb.

Intant il-Partit Nazzjonalista fl-istqarrija tiegħu qal li bil-korruzzjoni, il-gideb u l-qerq tagħha, il-klikka korrotta li ħakmet it-tmexxija ta’ pajjiżna hija theddida għad-demokrazija u l-libertà f’pajjiżna, bil-Partit Nazzjonalista jfakkar li għaldaqstant, il-poplu se jkun qed isemma’ leħnu nhar il-Ħadd li ġej waqt id-dimostrazzjoni nazzjonali għad-demokrazija u l-libertà.