Tmien embrijuni ma ħallew l-ebda frott għal tmien koppji li kienu qed jisperaw li jsiru ġenituri permezz tal-proċess tal-IVF.
It-tmien embrijuni li ‘fallew’ kienu kollha f’inkubatur fl-isptar Mater Dei meta “ħsarat tekniċi” wasslu biex l-inkubatur kien spiċċa mitfi għal ħin twil lejn l-aħħar ta’ Jannar li għadda.
Jirriżulta li l-embrijuni ma ħallewx frott għall-koppji konċernati, wara li s-Sibt li għaddha, it-tmien koppji rċevew riżultati fin-negattiv mill-isptar Mater Dei.
Kien il-Ġimgħa 27 ta’ Jannar li għadda filgħodu meta l-inkubatur tal-IVF fl-isptar Mater Dei nstab mitfi. Fl-inkubatur kien hemm embrijuni ta’ tliet ijiem, u saħansitra embrijuni li kienu lesti li jiġu mpjantati fl-ommijiet bħala parti mill-proċess tal-IVF.
Filfatt, dakinhar stess, it-tmien koppji konċernati kienu marru l-isptar, bit-tama li l-embrijuni jiġi mpjantati. Għalkemm l-embrijuni kienu ġew impjantati, dakinhar, il-koppji kienu ġew mgħarrfa li kien hemm ċans li dawn ma jħallux frott, peress li ma kienx magħruf kemm l-inkubatur kien ilu mitfi.
Wara li l-inkubatur tal-IVF kien instab mitfi, il-Gvern kien qal li kien se jaħtar inkjesta biex jinvestiga dak li ġara. Madanakollu, jirriżulta li ġurnata qabel, kien mar id-dawl fl-isptar Mater Dei. Filfatt, mhux eskluż li dan seta’ wassal għall-ħsarat tekniċi fl-inkubatur.
Dakinhar, il-Ministru Chris Fearne kien qal fi stqarrija li l-embrijuni kollha kienu baqgħu ‘vijabbli’, tant li l-proċess tal-IVF kien issokkta fuq parir tal-esperti mediċi. Madanakollu issa jirriżulta li tal-anqas tmien koppji rċivew riżultati fin-negattiv.
Għalkemm is-servizzi mediċi marbuta mal-IVF jingħataw b’xejn mill-isptar Mater Dei, il-koppji konċernati jkollhom iħallsu bejn €3,000 u €4,000 f’mediċini u injezzjonijiet neċessarji.
//= $special ?>