Il-Kunsill tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) ta avviż ta’ tilwima industrijali mal-Ministeru tas-Saħħa u mal-Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali.
Fi stqarrija l-MAM qalet li jekk sal-14 ta’ Marzu li ġej il-kwistjonijiet pendenti kollha ma jkunux solvuti b’mod sodisfaċenti, se tagħmel azzjoni industrijali li jolqtu lis-setturi kollha tal-professjoni medika f’Malta u f’Għawdex.
Il-Kunsill tal-MAM iltaqa’ nhar it-Tnejn li għadda u approva l-mozzjoni b’mod unanimu minħabba tliet raġunijiet prinċipali.
Dawn huma li minkejja l-ħafna kwistjonijiet pendenti serji ħafna li jolqtu l-professjoni medika f’Malta u f’Għawdex, il-ftehim kollettiv bejn il-MAM u l-Gvern li skanda f’Diċembru mhux qed ikun diskuss. Dan għandu implikazzjonijiet serji fuq il-kura li tingħata lill-pazjent anke fid-dawl tad-domanda dejjem tikber fis-servizz tas-saħħa.
It-tieni raġuni hi li l-MAM għamlitha ċara li mhux se tiffirma xi ftehim mal-Gvern dwar il-privatizazzjoni tal-kura tas-saħħa qabel ma l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali ilesti l-investigazzjoni tiegħu u l-kuntratt sħiħ ikun ippubblikat. Minkejja dan, il-Gvern qed ikompli bil-privatizazzjoni.
It-tielet raġuni għall-avviż ta’ tilwima industrijali hi li r-reklutaġġ ta’ speċjalisti f’Għawdex qed isir bla qbil mal-ftehim kollettiv attwali.
Il-kwalifiki meħtieġa għal gradi ta’ speċjalisti, l-iscreening rigoruż u l-proċess ta’ reklutaġġ minn bordijiet ta’ esperti indipendenti appuntati u skrutinati mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku (PSC) skont il-proċeduri tas-servizz pubbliku, mhux qed ikunu osservati. In-nuqqas ta’ proċess stabbilit jista’ jikkomprometti is-sigurtà tal-pazjenti u l-kwalità ta’ kura.
//= $special ?>